Dal-lejl twaħħlu strixxuni oħra f’postijiet madwar Malta jistaqsu min għandu l-interess jaħbi l-laptop tal-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia.

Din l-azzjoni jidher li hi reazzjoni għal dak li ntqal il-ġimgħa l-oħra fil-Qorti b'rabta mal-laptop tal-ġurnalista li l-Pulizija għandha.
L-espert li evalwa l-laptop qal li dan ilu ma jintuża mill-2015.
F’rapport li deher fil-ġurnal Malta Today, intqal li l-Maġistrat Anthony Vella, li qed jieħu ħsieb il-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista, filwaqt li kkonferma li l-Pulizija talbitu jieħu l-pussess tal-laptop u l-informazzjoni li kien hemm fih, ma setax iwieġeb jekk staqsiex lill-familja Caruana Galizia biex jagħtuhulu.
F’seduti minn qabel il-Qorti, l-Ispettur Kurt Zahra kkonferma li l-Pulizija ma sabet ebda traċċa ta’ laptops jew tablets fix-xena tad-delitt.
Madankollu filmat imtella’ mill-ġurnal Lovin Malta juri li strixxun minn dawn li twaħħal faċċata tal-istejġ qrib Bieb il-Bombi tneħħa minn persuna.
Ilbieraħ il-Membru Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield, xerred artiklu ta’ Newsbook.com.mt dwar il-messaġġ tal-Arċisqof waqt il-quddiesa għal ruħ Daphne Caruana Galizia, u qal li min hu bil-għatx għall-ġustizzja, ma jaħbix evidenza.
Ritratti: Ethelbert Schembri (Facebook)