L-Arċisqof ta’ Westminster ingħaqad ma’ dak ta’ Canterbury fl-appell lill-Kattoliċi biex jitolbu “Tiġi Saltnatek” flimkien ma’ moviment internazzjonali li bejn it-Tlugħ fis-Sema ta’ Kristu u l-Għid il-Ħamsin se jkun qed jinkoraġixxi aktar persuni biex jagħrfu lil Kristu.
Il-Kardinal Vincent Nicholas qal f’intervista mal-Arċisqof Justin Welby li jħoss li fid-dinja tal-lum hawn “ċerta skumdità” dwar dak li qed jiġri u fl-istess waqt hemm “tama qawwija” li n-nies ikunu trasformati.
It-talba “Tiġi Saltnatek” hi talba li tesprimi xewqa imma hi wkoll talba ta’ tama, talba ta’ fiduċja fil-wegħda li permezz ta’ Kristu kollox isir tajjeb u sħiħ u jingħata lill-Missier. “Għalija din ji talba mill-isbaħ fejn hemm armonija sħiħa fil-ħolqien u din se tintlaħaq. Imma sadanittant qed ngħixu f’inċertezza u dispjaċir imma b’tama kbira f’dak li Alla jista’ jagħmel u li se jagħmel”.
“Tiġi Saltnatek”, bejn l-10 u l-20 ta’ Mejju, hu moviment internazzjonali ta’ talb li qed jistieden lill-Insara madwar id-dinja biex f’dan il-perjodu jitolbu biex aktar nies jagħrfu lil Kristu. 
Dan beda minn stedina mill-Arċisqof ta’ Canterbury u l-Arċisqof ta’ York li kienet saret liċ-Church of England fl-2016, imma f’temp ta’ sentejn kiber u żviluppa f’sejħa ekumenika għat-talb li nfirxet madwar id-dinja kollha.
Issa fit-tielet sena, il-Moviment “Tiġi Saltnatek” qed ikompli jikber. Is-sena li għaddiet mijiet ta’ eluf ta’ Nsara minn aktar minn 85 pajjiż mifruxa mill-Kanada sal-Awstralja, sas-Sudan t’Isfel u l-Ġappun daħlu fil-moviment u hu ttamat li din is-sena dan ikompli jikber.
Il-Kardinal Nichoals qal “Xi ħadd qalli li meta niftakru li xogħolna hu li nipproklamaw lil Kristu, għandna niftakru li l-inkarnazzjoni bdiet mill-ewwel att tal-kreazzjoni. U għax id-dinja inħolqot minn dak l-att bil-mod il-mod bdiet issir dar xierqa għalina. Irridu nkunu kapaċi li b’xi mod ngħinu lil xulxin li dan hu ħolqien t’Alla, tajjeb u sabiħ”.
“Jekk ma napprezzawx is-sbuħija tagħna nfusna u tat-tjubija tad-dinja, aktarx li għad ma wasalniex fi stadju li nistgħu ngħidu lil ħaddieħor ‘ejja għand Kristu għax hu ġej għandek’”.
Din it-talba titlob “bidla mill-mod kif aħna mdorrija nħarsu lejn xulxin u kif naraw id-dinja, għax is-Saltna diġà hi hawn. Alla jagħmel biss dak li hu tajjeb u sabiħ”.
L-Arċisqof Welby qal li: “Meta qed ninkoraġixxu lin-nies jingħaqdu f’dawn l-għaxart ijiem jitolbu “Tiġi Saltnatek” inkunu qed nitolbu biex dawk li huma barra mill-Knisja jiġu kif inhuma bil-weġgħat u l-inċertezza tagħhom li jista’ għandhom f’ħajjithom. Jien nitlob biex inkomplu nikbru fil-fiduċja li naqsmu lil Kristu ma’ oħrajn, li naraw l-Ispirtu s-Santu jimlina bil-ferħ, ifejjaq, jirrikonċilja u jġib it-tama lil ħafna u ħajja ġdida kemm lill-Knisja kif ukoll lill-komunità, għall-Glorja ta’ Alla l-Missier”.