Ingħata l-permess biex investigaturi tal-armi kimiċi jirfsu f’Douma, fis-Sirja, fejn allegatament seħħ attakk bil-kimika l-Erbgħa li għaddew.
Ir-Russja qalet li t-tim internazzjonali tal-OPCW, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi, ilu fil-kapitali Damasku jistenna biex jitħalla jżur is-sit mis-Sibt li għadda.
L-attakk li seħħ fis-7 ta’ April wassal biex l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u Franza jikkollaboraw flimkien u jattakkaw b’missili lill-Gvern Sirjan, li fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroristi u r-ribelli Sirjani qed jiġi appoġġjat mir-Russja mill-art u l-ajru.
Fil-fatt ir-Russja diġà wissiet li se jkun hemm konsegwenzi serji jekk jerġa’ jsir attakk ieħor mill-Istati Uniti u l-alleati fuq is-Sirja, filwaqt li sal-lum dejjem sostniet li l-attakk kimiku fuq Douma mhu veru xejn, għax sostniet li fis-sit ma nstabu ebda traċċi ta’ kimika, jew persuni affettwati.
Min-naħa tiegħu l-President Sirjan, Bashar al-Assad, dejjem ċaħad li bbumbardja lil niesu bil-gass.
Sadanittant, il-mibgħut tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) qal li jibża’ li r-Russja bagħbset mal-evidenza f’Douma, iżda waqt intervista fuq il-BBC, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja iggarantixxa li dan mhuwiex minnu.
Saħaq li l-attakk tal-Istati Uniti u sħabha straħ biss fuq allegazzjonijiet fil-mezzi soċjali.
Ilbieraħ, il-Kap tal-Affarijiet Barranin għall-Unjoni Ewropea (UE), Federica Mogherini, irrimarkat li l-unjoni tifhem l-attakk tal-Istati Uniti u l-alleati, iżda issa huwa ż-żmien li jsiru diskussjonijiet għall-paċi.
L-istess qal il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, meta waqt laqgħa lbieraħ mal-ministri l-oħra tal-UE, fakkar li dwar is-Sirja hemm bżonn li kulħadd jikkomunika, mhux li tixxekkel il-komunikazzjoni.