Żagħżugħ ta’ 18-il sena ġie arrestat wara li allegatament attakka lil ommu ta’ 43 sena u lil missieru ta’ 49 sena f’Birkirkara.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ssejħu fuq il-post fis-1am.
L-ewwel stħarriġ juri li ż-żagħżugħ attakka lil ommu u missieru b’arma taqta’ u bil-ponta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-koppja l-Isptar Mater Dei fejn ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief.
Dwar il-każ infetħet ukoll inkjesta maġisterjali.