Fl-Università statali ta’ Faisalabad hemm kappella għall-Insara u hi l-ewwel waħda fejn wieħed jista’ jitlob f’kulleġġ pubbliku. Din kienet inawgurata f’nofs dan ix-xahar fil-kumpless tal-Università Agrikola.
Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-Arċisqof Joseph Arshad li hu l-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Faisalabad, fil-preżenza ta’ Muhammad Iqbal Zafar, Viċi-Kanċillier u numru ta’ professuri, letturi, reliġjużi u studenti. Il-Kappella ngħatat l-isem ta’ Santa Marija.
L-Arċisqof feraħ il-komunità Nisranija tal-Università li insistiet għall-bini ta’ din il-kappella qrib kappella eżistenti tal-Iżlam.
“Il-bini tal-kappella fil-kumpless universitarju jibgħat messaġġ ta’ mħabba u armonija fil-pajjiż kollu. L-Insara se jiġu f’din il-knisja u jitolbu għall-progress u l-prosperità kemm tal-Università kif ukoll tal-Pakistan kollu”.
“Illum qed jitwettaq il-kliem ta’ Muhammad Ali Jinnah, il-fundatur tal-Pakistan, li fl-indirizz tiegħu lin-Nazzjonijiet Magħquda fl-1947 kien qal: Intom ħielsa, ħeilsa li tmorru fit-tempji tagħkom. Ħielsa li tmorru fil-Moskej jew kull post ieħor ta’ talb, f’dan l-istat tal-Pakistan. Tistgħu tħaddnu u tistqarru kull reliġjon jew twemmin li tridu”.
L-Arċisqof irringrazzja lill-awtoritajiet ċivili li offrew dan il-post ta’ talb għall-Insara b’rispett tal-libertà reliġjuża.
Il-Viċi-Kanċillier tal-Università sostna li “Din il-kappella nbniet biex tissodisfa l-ħtiġijiet spiritwali tal-istudenti. Il-moskea u l-knisja t-tnejn huma postijiet imqaddsa għat-talb lil Alla. Aħna nemmnu fl-armonija interreliġjuża u l-bini tal-kappella hu eżempju konkret biex nuru li l-Insara u l-Musulmani huma aħwa.
Din hi l-ewwel darba fl-istorja tal-Pakistan li nbniet kappella f’università statali. Nittamaw li istituzzjonijiet oħra jieħdu dan l-eżempju biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-minoritajiet reliġjużi li huma garantiti fil-Kostituzzjoni. L-Insara huma ħutna għax Alla ħalaq lill-bnedmin kollha l-istess”.
L-Arċisqof Arshad iċċelebra quddiesa f’din il-kappella, ikkonsagra l-altar u bierek il-post.  Fl-omelija hu rringrazzja l’Alla u lil dawk kollha li ħadmu b’risq dan il-proġett u stieden liż-żgħażagħ li jagħtu importanza lill-edukazzjoni għolja u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-ġid komuni tal-Pakistan.