Il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) bagħat ittra miftuħa lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, jitolbuh biex iwaqqa’ l-libell li kien fetaħ kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-libell kien fetħu wara l-allegazzjoni tal-ġurnalista, li t-tielet kumpanija  jisimha Egrant fil-Panama hija ta’ martu, Michelle Muscat.
Il-Prim Ministru kien sejjaħ din l-aħbar bħala l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta, u żamm l-istess fehma sa ftit jiem ilu waqtil-mass meeting għal Jum il-Ħaddiem fi Pjazza Tritoni.
Min-naħa tagħhom, is-CPJ qalu lil Muscat li l-kredibbiltà tal-Gvern Malti li jsolvi l-każ tal-qtil qed taqla’ daqqa ta’ ħarta ladarba hu jibqa’ ma jwaqqax il-libell.
Fl-istess ħin l-organizzazzjoni mhux governattiva bbażata fi New York, talbet lil Muscat biex iħeġġeġ membri oħra tal-Gvern li fetħu libelli kontriha jwaqqgħuhom ukoll.
Ilbieraħ ir-raġel ta’ Caruana Galizia, Peter Caruana Galizia, qal fil-Qorti li kien jistenna li l-libelli jitwaqqgħu wara mewtha.
Il-grupp isemmi lil The Daphne Project, u jgħid li dak li qed joħorġu bih fl-aħħar jiem juri x-xogħol li kienet qed twettaq il-ġurnalista biex tikxef il-korruzzjoni f’pajjiżha. Qalu li l-proġett jikxef ukoll snin ta’ theddid fuq il-ġurnalista, li ma ġiex indirizzat, u aktarx wassal għad-delitt tagħha.
L-ittra ttemm tgħid li r-reazzjoni mhux daqshekk dinjituża tal-Gvern għall-assassinju, kif ukoll il-libelli, qed joħolqu ambjent ta’ tensjoni f’Malta.
L-ittra tas-CPJ intbagħtet ukoll lill-Ambaxxatur tal-Istati Uniti f’Malta, Kathleen Hill, lir-Rappreżentanta Permanenti f’Malta għall-Unjoni Ewropea, Marlene Bonnici, u lil Elena Grech, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.