Mijiet ta’ firmatarji diġà opponew formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp propost fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke.
Iċ-ċans biex wieħed joġġezzjona għal dan l-iżvilupp huwa parti mill-proċess rekwiżit mill-PA, u l-oġġezzjoni ġiet sottomessa mir-residenti ta’ Pembroke.
Il-firmatarji qed jgħidu li dan il-proġett massiċċ jikser diversi liġijiet u regoli eżistenti tal-PA stess, filwaqt li l-effetti tat-torri u l-lukanda proposti, fost binjiet oħra, se jkunu devastanti fuq ir-residenti u l-ambjent.
Ix-xahar li għadda l-Moviment Graffitti, flimkien mar-residenti, il-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan u Pembroke, u għaqdiet oħra mhux governattivi nedew l-inizjattiva Tidfnuniex Ħajjin! sabiex jerġa’ jiġi rrivedut dan il-proġett ta’ db Group.
L-art li fuqha se jsir il-proġett City Centre kien intqal li nbiegħet mill-Gvern lil db għal €60 miljun, iżda aktar tard ġie żvelat li fil-kuntratt kien hemm miktub li db se jħallas lill-Gvern €15-il miljun, u marbutin li jinvestu €150 miljun fil-proġett, u mhux €300 kif kien intqal.
Il-Grupp db ħa l-art mingħand il-Gvern b’konċessjoni ta’ 99 sena.
Fost l-oħrajn, jekk il-permess jiġi approvat, jitla torri residenzjali ta’ 37 sular, lukanda ta’ 5 stilel, stabbilment kummerċjali, uffiċini, ristoranti u spazji għall-parkeġġ.
Dawn huma wħud mill-objezzjonijiet tal-firmatarji;

  • Il-proġett jikser ir-regoli tal-PA relatati ma’ kemm jista’ jkun ’il bogħod mir-residenti proġett bħal dan, jiġifieri l-Proporzjon tal-Arja tal-Art (Floor Area Ratio)
  • It-torri u l-lukanda qrib wisq il-blokok t’akkomodazzjoni soċjali, u se jimblukkaw ix-xemx, jżidu t-tniġġis u jweħħlu kullimkien bit-traffiku
  • Impatt negattiv fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, li prattiment titgħatta mill-iżvilupp, li jxekkel in-negozju f’dawk l-inħawi
  • L-iżvilupp jimpatta ħażin is-sit ta’ Natura 2000, Għar Ħarq Ħamiem

Sa issa tefgħu l-oġġezzjoni tagħhom b’mod formali lill-PA aktar minn 800 persuna, iżda l-firmatarji huma attwalment aktar u jistgħu jiżdiedu, bil-ħidma ta’ xi NGOs li qed jgħinu loġistikament biex jinġabru l-firem.
Ladarba jagħlaq iż-żmien għall-oġġezzjonijiet formali, jiġifieri sal-Ġimgħa 25 ta' Mejju, il-PA tiddeċiedi dwar dal-proġett.
Protesta Tidfnuniex Ħajjin!
Sadanittant, l-Erbgħa 16 ta' Mejju se ssir protesta organizzata min-nies.
Tista' taċċessa l-oġġezzjoni formali hawnhekk.