Żewġ karozzi nqalbu fl-inħawi tal-Mosta f'żewġ inċidenti separati li bagħtu żewġ persuni l-isptar.
L-ewwel inċident seħħ fi Triq il-Fortizza tal-Mosta, in-Naxxar għall-ħabta tas-1:19pm. Kelliem għall-Pulizija qal ma' Newsbook.com.mt li s-sewwieq ta' 65 sena minn Ħad-Dingli kellu jinħareġ mill-vettura mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ir-raġel ittieħed l-isptar u jinsab f'qagħda gravi.
L-inċident l-ieħor seħħ għall-ħabta tat-2:45pm fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta bejn żewġ karozzi. Karozza minnhom inqalbet u s-sewwieqa ttieħdet l-isptar. Hi għandha 25 sena u toqgħod il-Mosta. Ġarrbet ġrieħi ħfief.
Ritratti: Ian Noel Pace