Il-vapuri tal-Gozo Channel reġgħu bdew jaħdmu wara li s-servizz kien sospiż għal madwar tliet sigħat u nofs, minħabba theddida ta' bomba.
It-theddida ta' bomba saret b'telefonata anonima lill-Pulizija ftit wara l-11am.  
Is-servizz ġie sospiż biex isiru t-tfittxijiet fuq il-vapur Gaudos fiċ-Ċirkewwa u fuq il-vapur Ta' Pinu fil-Port tal-Imġarr.  Il-vapur Malita mhux se jkun qed jaħdem bejn illum u nhar il-Ġimgħa.

Uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta mit-taqsima tal-isplussivi (EOD) intbagħtu mill-ewwel fuq il-post biex jibdew bil-ħidma ta' tiftix. It-tfittxija saret ukoll permezz ta' bugħaddasa.

Wara li tlestew it-tfittxijiet fuq il-vapuri, il-Pulizija bdew iduru bil-klieb kull vettura fil-kju għall-vapur.  Minkejja li ħin minnhom dehru telgħin vetturi fuq il-vapur, kelliem għall-Gozo Channel qal ma' Newsbook.com.mt li ttellgħu biss żewġ vannijiet għax kienu qed iġorru l-mediċini. 

 Żewġt iklieb tal-Pulizija ttellgħu wkoll fuq dingi biex ikomplu jgħinu fit-tiftix fuq il-vapur sorġut f'Għawdex.

Persuni li tkellmu ma' Newsbook.com.mt qalu li telefonata anonima bħal din twassal biex jintilfu eluf ta' flus, minħabba li ħafna ħaddiema weħlu ċ-Ċirkewwa jew l-Imġarr.

Oħrajn, li kienu qed jistennew fiċ-Ċirkewwa qalu ma' Newsbook.com.mt li mal-karozzi fil-kju ma kien hemm l-ebda pulizija, li l-karozzi tal-linja kellhom jieqfu fil-kju u li m'hemm l-ebda karreġġjata sabiex it-traffiku jibqa' għaddej. 
Ingħalqet ukoll il-marshalling area tal-Port tal-Imġarr b'għadd ta' karozzi jinġemgħu ft-toroq aktar 'il fuq f'Għajnsielem. Il-kju għall-vapur fiċ-Ċirkewwa għal xi ħin kien sat-Torri l-Aħmar. 
Il-Ministeru bi stqarrija dwar it-theddida
Il-Ministeru għal Għawdex spjega li l-awtoritajiet konċernati ġew mgħarrfa minnufih biex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex ma jkun hemm l-ebda riskju.  
Il-Ministeru avża li s-servizz ġie sospiż sakemm isiru l-verifiki meħtieġa waqt li skuża ruħu għal kull inkonvenjent minħabba s-sospensjoni temporanja tas-servizz. 
Irringrazzja wkoll lill-awtoritajiet kompetenti li wettqu din il-ħidma u assiguraw li ma jeżisti l-ebda periklu lill-mijiet ta' passiġġieri li jagħmlu użu mill-vapuri. 
F'Diċembru 2014 kien hemm ukoll theddida ta' bomba fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel, bis-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal wara erba' sigħat. Kollox kien beda b'telefonata li saret għall-ħabta tas-6.15pm. It-telefonata kienet saret minn telephone box f'San Ġwann.
Din l-istorja qed tiġi aġġornata.
Ritratt u Filmati live: Ian Noel Pace