B’vuċi soda u kollha enerġija l-kantanta Christabelle Borg temmet il-prova ġenerali qabel illejla toqgħod għall-verdett tal-ġurati tal-Eurovision 2018.
Borg, b’libsa sewda, akkumpanjata bin-nar fuq il-palk u anke biż-żeffiena fuq in-naħa ta’ wara tal-palk, spikkat u tat rappreżentazzjoni tajba ħafna u soda ta’ Taboo waqt l-aħħar prova ġenerali.
Issa Christabelle qed tipprepara biex illejla fid-9pm ħin lokali toqgħod għall-ewwel parti tal-eżami li jiswa 50% tal-vot li jiddetermina għada tgħaddix jew le għall-finali tas-Sibt li ġej.
Fl-istess prova kien hemm il-kantanta Maltija Jessika li qed tirrappreżenta lil San Marino. Jessika se tkun liebsa libsa ħamra u akkumpanjata b’numru ta’ robots fuq il-palk li se jkunu qed jagħmlu movimenti li jmorru mar-ritmu tal-kanzunetta.
Newsbook.com.mt u RTK jibqa’ jaġġornak bl-aħħar żviluppi mill-Portugall.