2 minuti qari

Intlaħaq ftehim meqjus bħala “storiku” li bih il-Konkatidral ta’ San Ġwann se jkun disponibbli għal studjużi u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta, u fil-proċess l-istituzzjoni tinfetaħ aktar għan-nies u tkun ukoll għodda ġdida ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ.
Il-ftehim bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Università ta’ Malta ġie ffirmat illum, u fil-kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja, Michael Pace Ross, qal li dan se jiftaħ il-bibien fuq dan il-maqdes tant importanti storikament għall-gżejjer Maltin.
Qal li dan hu pass ieġor ’il quddiem għall-fondazzjoni.
Tkellem ukoll Wilfrid Buttigieg, il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, li jemmen li l-frott ta’ sħubija bħal din se jinħasad fil-futur, filwaqt li aċċenna għas-sinjifikanza profonda u l-istoriċità tal-ftehim.
Tkellem ukoll ir-Rettur tal-Università, il-Prof. Alfred Vella, li ddeskriva lill-Konkatidral bħala ġawhra li teħtieġ tiġi studjata biex jiġi skopert dak li hemm mistur, u anki għodda biex l-istudenti jitgħallmu aħjar.
Finalment tkellem ukoll il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, li rringrazzja lil dawk li ġew qablu, li ddeċidew li jwaqqfu din il-fondazzjoni, għax kieku aktarx dal-bini ma kienx jiġi ppreżervat b’dal-mod.
Qal li issa l-pass li jmiss hu li jinħattu l-ħitan li kien jifred lill-Konkatidral mill-bqija tas-soċjetà.
Fost l-oħrajn, professur mill-Università ta’ Malta, Sebastiano D’Amico għamel studju f’isem il-Konkatidral, b’apparat apposta li seta’ jagħraf x’hemm fl-oqbra fil-Konkatidral, mingħajr ma jinqala’ xejn.
Ritratt u filmat: Ian Noel Pace