Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-Università Pontifiċja Antonianum f’Ruma, il-Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsgrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Apostolika, sejħu konferenza internazzjonali li għaliha attendew aktar minn 600 persuna minn kull rokna tad-dinja.
Il-Kardinal Joao Braz de Aviz, Prefett tal-Kongregazzjoni, fl-introduzzjoni tiegħu qal li “aħna nirrappreżentaw il-magna tal-Knisja u flimkien irridu naħdmu biex inħallu l-inbid il-ġdid ta’ Kristu iġedded il-btieti tal-ħajja kkonsagrata biex nesperjenzaw il-ferħ tal-vanġelu u ngħinu lil Alla jwasslu lil ħafna nies li niltaqgħu magħhom”.
L-iskop tal-konferenza hu li tistudja b’mod profond it-tema tal-‘konsagrazzjoni’ u tirrifletti fuq diversi temi marbuta ma’ dan is-suġġett.
Il-Kardinal Aviz qal li “fiċ-ċirkostanzi preżenti hemm bżonn nagħrfu b’mod ċar il-konsagrazzjoni tagħna li għamlitna ulied Alla permezz tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu, biex tgħinna nifhmu aħjar it-tifsira tal-konsagrazzjoni b’diversi modi li huma kumplimentari għal xulxin fi ħdan il-Poplu t’Alla”.
Il-kelliem ewlieni tal-Konferenza kien il-Professur Nuria Calduch, li tkellmet b’mod komprensiv dwar il-konsagrazzjoni tal-persuni  u enfasizzat id-dimensjoni profetika tal-ħajja kkonsagrata u t-testi evanġeliċi li jirriflettu s-sens essenzjali għal min jagħżel din it-triq: il-vokazzjoni u l-ħajja komunitarja.
L-Arċisqof Jose Rodriguez Carballo, Segretarju tal-Kongregazzjoni u Suor Carmen Ros Nortes, taw sinteżi ta’ esperjenzi ta’ persuni kkonsagrati.
Carballo insista li “il-konsagrazzjoni mhix xi ħaġa statika; mhux ix ħaġa li teskludi imma proċess li jintegra d-differenzi. Wara kull espressjoni użata biex tesprimi l-ħajja kkonsagrata hemm rikkezza teoloġika u kariżmatika li rridu nħarsuhom. Jekk il-ħajja kkonsagrata hi mużajk ta’ kariżmi differenti, dawn iridu jiġu rakkunati”.
Min-naħa tagħha Sr. Carmen tkellmet dwar l-importanza li jsiru riflessjonijiet ġodda “biex ma nibqgħux maqbuda fi skemi qodma u inadegwati; hemm bżonn li  nifhmu aħjar dak li l-Knisja u l-umanità qed jistennew minna llum”.