Fl-aħħar 5 snin tressqu 22 persuna l-Qorti għax il-klieb tagħhom ma kellhomx ċippa.
Din is-sistema tal-microchipping tikkonsisti minn ċippa żgħira ħafna injettata taħt il-ġilda tal-kelb. Iċ-ċippa jkollha fiha numru ta’ identifikazzjoni uniku għal kull kelb.  
L-akbar numru ta’ persuna tressqu s-sena li għaddiet meta kien hemm 12-il persuna li tressqu għax ma poġġewx ċippa mal-klieb tagħhom.
Fl-2014 u fl-2015 kien hemm persuna waħda kull sena li tressqet minħabba din l-akkuża. Fl-2016 kien hemm sitt persuni filwaqt li mill-bidu tas-sena sa issa kien hemm żewġ persuni li tressqu.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Ambjent José Herrera għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Mario Galea.
Dawn ir-regoli daħlu fis-seħħ fl-2011 bil-għan li jkun hawn aktar kontroll fuq il-klieb biex jonqsu l-klieb mitluqa fit-toroq u biex jonqos it-tixrid ta’ mard serju fost il-klieb u b’hekk jonqos ukoll il-periklu għas-saħħa pubblika.
X'inhuma l-vantaġġi li l-klieb ikollhom iċ-ċippa?

  1. Kelb li jintilef jista’ jerġa’ jigi rritornat lil sidu faċilment permezz ta’ apparat apposta li jaqra l-microchip ta’ ġol-kelb
  2. Din isservi ta’ deterrent għas-sidien tal-klieb li jkunu bi ħsiebhom jabbandunaw lill-kelb tagħhom peress li dawn issa jistgħu jinqabdu b’mod aktar faċli u jiġu akkużati taħt l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali
  3. Iservu ta’ deterrent ukoll vis-à-vis l-organizzazzjoni ta’ ġlied tal-klieb minħabba l-faċilità li jiġi identifikat sid il-kelb
  4. Anke f’każijiet ta’ attakki fuq individwi jew annimali oħrajn, sid il-kelb jista’ jiġi identifikat
  5. Tnaqqis fin-numru ta’ klieb li jiġġerrew fit-toroq (stray dogs)