Miet Lino Brincat, li f’ħajtu għen tant dilettanti tal-motorsport f’Malta biex jiksbu l-potenzjal tagħhom, u hu nnifsu sewwieq u mekkanik ta’ prima klassi.
Brincat, magħrufa bħala The flying nannu, miet ilbieraħ filgħodu.
Il-komunità tal-motorsports qalet li tinsab maħsuda bil-mewt tiegħu.
Brincat ipprattika b’suċċess diversi dixiplini tal-motorsport fosthom il-gokarts, l-auto-cross u d-drag-racing. Iżda l-iktar sport li kien għal qalbu kien il-Hillclimb.
Brincat beda l-karriera sportiva tiegħu fid-dixxiplina tal-hillclimb iżda matul iż-żmien ipparteċipa anke fid-drag racing u fl-auto-cross kemm l-Imtarfa kif ukoll ġewwa Ta’ Qali fejn saħansitra rebaħ żewġ kampjonati.
L-ewwel kampjonat tal-hillclimb li rebaħ kien permezz ta Alfa Sud fejn aktar tard, proprju fis-snin 90, akkwista id-Dallara..l-aktar karozza magħrufa ta Lino. Permezz tad-Dallara Lino kkompeta diversi drabi anke ġewwa Sqallija. L-aħħar kampjonat li rebaħ Lino kien fl-2006 fl-età ta 58 sena.
Madankollu dawk aktar involuti fil-motorsport jafu lil Lino bħalha dak il-mekkanik, dak it-tuner li kien ta għajnuna kbira lid-diversi sewwieqa b’mod speċjali dawk kollha li għażlu li jikkompetu permezz ta’ karozza jew magna tal-marka Alfa Romeo, li tagħhom kien dilettant kbir.
Brincat se jibqa’ magħruf mad-dilettanti tal-motorsport għax-xogħol li kien jagħmel bi preċiżjoni u dedikazzjoni kbira, iżda fuq kollox għall-karattru qalbieni u sportiv tiegħu.
It-telfa għall-motorsport lokali hija waħda kbira iżda Lino Brincat kien u jibqa’ ispirazzjoni għal ħafna sewwieqa Maltin.