Il-kumpanija li tmexxi Facebook qalet li ssospendiet 200 app u li qed tinvestiga eluf oħra, biex tipprevjeni skandlu ieħor simili għal ta’ Cambridge Analytica.
Skont Business Insider, il-kumpanija ma semmietx l-apps li ssospendiet, minħabba li għadha qed tikkonferma li użaw ħażin l-informazzjoni fuq in-nies.
Uffiċjal ta’ Facebook qal illum li fejn isibu l-provi, se jipprojbixxu l-apps minn Facebook waqt li jinfurmaw lill-pubbliku.
Il-kumpanija saħansitra qed tikkunsidra li żżur l-iżviluppaturi tal-apps wiċċ imb wiċċ biex tanalizza d-data li għandhom.
Din qed titqies bħala miżura drastika u rigoruża min-naħa ta’ Facebook, iżda l-kumpanija temmen li hi bżonjuża biex terġa’ tikseb il-fiduċja tal-poplu.