Qed jissielet għal ħajtu l-pulizija tat-traffiku li ntlaqat minn karozza li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ li ma kellux l-età tas-sewqan.
L-inċident seħħ ftit qabel it-8am fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa. 
Il-Pulizija kkonfermat l-inċident ma’ Newsbook.com.mt, u qalet li s-sewwieq għandu 17-il sena, u meta l-pulizija ppruvaw iwaqqfuh u talbuh id-dokumenti, saq u laqat uffiċjal, bil-konsegwenza li kaxkru għal xi metri fi Triq Ħal Qormi, Ħal Luqa.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat ftit wara fi Triq Ħal Farruġ.
"Rifless ta' soċjetà nieqsa mir-rispett lejn il-Pulizija" – MPA
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA), qalet li tibża' li dan l-inċident hu rifless ta' soċjetà nieqsa mir-rispett, u kkundannat "bla riżerva ta' xejn" dak li seħħ lill-pulizija Simon Schembri.
Talbu li jkun hemm sforz mis-soċjetà sabiex jinħoloq polz li japprezza lill-Pulizija, kemm bħala awtorità kif ukoll bħala bnedmin.
Temmew jitolbu lill-Gvern jieħu b'serjetà dan l-inċident.
Il-PN jikkundanna kull forma ta' vjolenza
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali, Beppe Fenech Adami, qal lil l-PN jikkundanna kull forma ta' vjolenza li ssir fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija, li kuljum jissograw ħajjithom sabiex jagħtu l-ogħla forma ta' sigurtà lin-nies.
"Att kodard" – UĦM – Voice of the Workers
Fi stqarrija anki l-UĦM – Voice of the Workers irreaġixxiet meta qalet li dan kien att kodard li ma ħalliex persuna tmur taħdem biex taqla' l-għajxien tagħha.
L-unjin ħeġġet lil kull min hu ta' rieda tajba sabiex juri dinjità lejn kull ħaddiem.
Talbet biex jiħraxu l-pieni għal reati simili.