17-il mara, attivisti minn #Occupyjustice, lebsin l-iswed inġabru fuq it-taraġ ta’ Kastilja l-lejl li għadda b’kartelluni li fuqhom kellhom il-mistoqsija “ta’ min hi 17 Black?”
Dan l-att ta’ protesta sar sabiex ifakkar għeluq is-seba’ xhur mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Cruana Galizia.
Fi stqarrija spjegaw kif dan l-att sar b’referenza għall-kumpanija misterjuża li f’April, il-konsorzju ta’ ġurnalisti li qed ikompli bl-istejjer tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, żvela li total ta’ €1.3 miljun ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black.
Din il-kumpanija f’Dubaj hija mniżżla bħala wieħed mill-“klijenti prospettivi” li jgħaddu l-flus lill-kumpaniji fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru Konrad Mizzi.
Qalu li nġabru Kastilja għax hija ċara għal kulħadd, ħlief għall-Prim Ministru li l-korruzzjoni hija bbażata fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
Spjegaw li issa jidher bil-miktub li dawk viċin tal-Prim Ministru huma nvoluti f’atti ta’ ħasil tal-flus, u l-Prim Ministru baqa’ ma rreaġixxiex.
Komplew jinsistu li hemm bżonn li jinkixef is-sid tal-kumpanija 17 Black u għaldaqstant se jkomplu jissieltu biex ma jħallux li l-gżejjer Maltin jiġu affetwati minn kriminali tal-mafja.