Fl-ewwel laqgħa bejn il-Papa Franġisku u l-34 Isqof Ċilen biex jiddiskutu l-isfidi li qed taffaċċja l-Knisja fiċ-Ċilì b’rabta ma’ abbuż sesswali mill-kleru, il-Papa talabhom biex iqattgħu 24 siegħa jitolbu, jirriflettu u jimmeditaw fuq temi speċifiċi li pprovdielhom.  Dawn it-temi ma ġewx ippubblikati.
Il-laqgħa tal-bieraħ mal-Isqfijiet fis-Sala Pawlu VI, bdiet fl-4pm u damet madwar sagħtejn.  
L-Isqfijiet se jerġgħu jiltaqgħu mal-Papa llum waranofsinhar u tnejn oħra għada. Minkejja li l-laqgħat se jsiru fi grupp, mhux magħruf jekk il-Papa hux se jiltaqa’ magħhom b’mod individwali.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof Charles Scicluna, li lbieraħ filgħodu kkonċelebra quddiesa mal-Papa, stqarr li fil-ftit mumenti li kellhom flimkien, il-Papa talbu darbtejn biex jitlob ħafna għalih minħabba dawn il-laqgħat.
L-Arċisqof stieden lill-poplu Malti u Għawdxi biex jitlob għal Papa, biex Alla jiggwidah ikun ta’ servizz għall-għaqda fil-Knisja kif ukoll għall-verità u għall-ġustizzja.
Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel bdew il-laqgħat, l-Isqof Juan Ignacio Gonzalez ta’ San Bernardo fiċ-Ċilì qal li ma jistax jeskludi li wara l-laqgħat tal-Isqfijiet mal-Papa Franġisku, ikun hemm uħud minnhom li jirriżenjaw jew jitkeċċew minħabba dan l-iskandlu.
Meta Franġisku kien iċ-Ċilì kien xejjen il-protesti taċ-Ċileni dwar l-Isqof t’Osorno, għax qal li kienu biss xnigħat, iżda wara li qabbad lill-Arċisqof Charles Scicluna biex jinvestiga, u dan tah rapport ta’ 2,300 paġna, il-Papa bidel fehemtu u rrealizza li kien żbalja.
Ix-xahar li għadda Franġisku ltaqa’ ma’ xi vittmi tal-abbużi sesswali tal-qassis Karadima, li qalulu li l-Knisja fiċ-Ċilì kienet ittrattathom daqslikieku kienu għedewwa fl-aħħar 10 snin minn kemm ilhom jitkellmu.
Sadanittant, kien tkellem ukoll it-tabib tal-allegat aggressur innifsu, Karadima, li lill-midja qalilha li l-qassis ħaliflu quddiem it-tabernaklu li qatt ma kellu relazzjonijiet ma’ minuri.
Ritratt: Vatican Media