Aġġornata 21:25 bir-reazzjoni tal-Bank Ċentrali
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Bank Ċentrali qed iħallas lill-kredituri tal-Bank Pilatus.
Fil-Parlament, Azzopardi staqsa lill-Ministru għall-Finanzi għaliex minn Ħamis ix-Xirka ‘l quddiem, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ il-flus b’direct credit online.
Qal li f’April biss, tħallsu aktar minn €129,000.
Semma wkoll lid-Deputat Gvernatur Sandro Demarco b’ismu għaliex staqsa għalfejn qed jitħalla jipproċessa dawn it-transazzjonijiet waħdu fejn indika wkoll li l-proċedura qed issir b’segretezza.
Azzopardi ta x’jifhem ukoll li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru eżerċita xi tip ta’ pressjoni biex dan isir filwaqt li ma ħarġet ebda notifika pubblika.
Casa jikteb lill-Bank Ċentrali Ewropew
Fil-pront kienet ir-reazzjoni tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa fejn qal li bagħat ittra lill-Bank Ċentrali Ewropew b’dak kollu li ġie żvelat fil-Parlament Malti aktar kmieni waranofsinhar.
Casa qal li u bagħtet ittra lill-President tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank Ċentrali Ewropew fejn wasslilha l-aħħar rivelazzjonijiet u talabha tinvestiga l-fatti.
L-Ewroparlamentari qal li l-fatt li trasferimenti bħal dawn inżammu sigrieti għal dawn l-aħħar ġimgħat hija biżżejjed biex ikun hemm implikazzjonijiet serji.

Il-Bank Ċentrali ma jiċħadx, jgħid li “kollox legali"
B’risposta għal dan, il-Bank Ċentrali qal li waħda mill-funzjonijiet tiegħu bħala bank ċentrali, tinkludi t-tħaddim ta’ kont ta’ depożitu li Pilatus Bank għandu miegħu. Qal li dawn it-tranżazzjonijiet huma parti mill-miżuri amministrattivi li l-MFSA tagħmel ma’ kull istituzzjoni tal-kreditu.
 Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ċaħad bil-qawwa li l-Uffiċju tal-Prim Ministru għamel xi pressjoni fuq il-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar xi kwistjoni jew oħra.

Ritratt: Reuters