Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li ttieħdu l-miżuri kollha sabiex il-profil tagħha jitneħħa minn gruppi Laburisti li id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna “li jinstigaw vjolenza”.
Fi stqarrija mill-uffiċċju tal-President kien spjegat li l-President lanqas biss kienet konxja li l-profil tagħha kien involut f’dawn il-gruppi, bil-wisq anqas kienet konxja mill-eżistenza tagħhom.
Spjegat li hija realtà li dawk kollha li huma esposti pubblikament, ħafna drabi mingħajr ma jkunu jafu, jispiċċaw isibu lilhom infushom f’dawn il-gruppi, mingħajr ma jkunu jafu x’kontenut għandhom.
Għaldaqstant, iddistanzat ruħha minnhom, filwaqt li kkundannat kull tip ta’ bbulljar u vjolenza.
Ilbieraħ fil-Parlament, Azzopardi qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat, xi Ministri u l-President qiegħdin fi gruppi li jinstigaw vjolenza.
Azzopardi qal li investigazzjoni ta’ 6 xhur mill-portal TheShiftNews żvela l-eżistenza ta’ gruppi magħluqa (closed groups) fuq Facebook immexxija mill-Partit Laburista.