Il-Pulizija tas-Slovakkja ħadet il-mowbajl tal-ġurnalista Pavla Holcova li taħdem maċ-Ċentru Ċek għar-Rappurtaġġ Investigattiv, skont il-Proġett tar-Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP).
Fi stqarrija, l-OCCRP qal li l-Pulizija stiednet lil Holcova għal intervista li ħasbu li se tkun qed issir biex tgħin fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalist Jan Kuciak. Intqal li l-Pulizija kienet diġà ġabet mandat biex tieħu l-mowbajl fil-pussess tagħha. “Dan jimplika li din kienet l-intenzjoni tagħhom meta stiednu lil Holcova għal-laqgħa” qal l-OCCRP.
Holcova kienet qed taħdem ma’ Kuciak meta dan inqatel. Hi diġà kienet ikkooperat mal-Pulizija u qaltilhom dak li kienet taf.
Holcova ġiet interrogata għal aktar minn tmien sigħat. Allegatament, il-pulizija qalu li Holcova dejjem kienet taħdem kontra s-sistema waqt l-interrogazzjoni. Skont l-Aġenzija, il-Pulizija kienet aktar interessata fir-rappurtaġġ tagħha milli fl-investigazzjoni.
Meta Holcova ma rrispondietx mistoqsijiet li ħasbet li kienu rrelevanti, il-pulizija staqsew dwar il-mowbajl tagħha. Bdew jhedduha li jtugħha multa ta’ €1650 jekk ma tikkopperax.
Il-ġurnalista uriethom xi messaġġi mill-konverżazzjoni li kellha ma’ Kuciak. Madanakollu, il-pulizija qalu li riedu l-messaġġi kollha. Ippruvaw iniżżlu l-informazzjoni huma u meta ma rnexxielhomx, għamlulha pressjoni biex ittiehom il-mowbajl.
L-OCCRP għamlet sejħa biex il-mowbajl jiġi rritornat fil-pront. Qalet ukoll li rat li aġir simili sar f’pajjiżi li kienu ġew kompromessi.