Il-Partit Ewro xettiku tal-Ħames Stilel flimkien mal-Lega qed jippjana li jistaqsi lill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jaħfer €250 biljun dejn Taljan.
Dan skont il-pjan preliminari tal-koalizzjoni li qed jiktbu flimkien.
Id-dokument li fih 39 paġna ġie żvelat minn Huffington Post Italia, fejn jidher li hemm ukoll talba biex il-kontribuzzjoni tal-Italja fil-baġit tal-Unjoni Ewropea terġa’ tiġi nnegozzjata.
Il-koalizzjoni qed jingħad li se tkun qed taħdem ukoll biex telimina s-sanzjonijiet kontra r-Russja, kif ukoll twaqqa’ r-riforma tal-penzjonijiet li saret fl-2011, li wasslet biex żdiedet l-età tal-irtirar.
Minkejja li d-dokument kien miktub fl-14 ta’ Mejju, il-koalizzjoni sostniet li din kienet verżjoni antika u li minn dakinhar inbidlu ħafna proposti minnha.
Iż-żewġ partiti għandhom sitt ijiem ta’ diskussjoni mmirati sabiex jiffinalizzaw il-koalizzjoni fil-Gvern u b’hekk iwaqqfu l-istaġnar politiku li ħakem il-pajjiż għal dawn l-aħħar 10 ġimgħat.
Ritratt: Reuters