Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann kixfet ir-restawr tant bżonnjuż li sar fuq il-pittura kbira u maestuża tal-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Fr Charles Vella, ir-restawratur prinċipali spjega li din il-pittura, kbira erba’ metri bi tlieta, sofriet minn kundizzjonijiet ħżiena ta’ konservazzjoni speċjalment fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Fisser kif matul is-snin sofriet minn restawr ta’ kwalità fqira u maż-żmien intilef madwar 40% tal-kulur. Il-proċess tar-restawr ħa 11-il xahar. L-ewwel ġiet ittrattata t-tila minn quddiem u tneħħiet l-inforra l-qadima minn wara, flimkien ma’ ħmieġ u kolol li trabbew maż-żmien.  
Cynthia de Giorgio, il-Kuratur u Kap Eżekuttiv ta’ Konkatidral ta’ San Ġwann spjegat li l-pittura kienet fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni minħabba l-movimenti li ġarrbet, speċjalment meta tneħħiet mit-tilar u tpoġġiet f’maħżen fi żmien il-gwerra.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross qal li l-pittura kienet fi stat tar-rimi u li kienet ilha ma tara d-dawl 20 sena. Spjega li r-restawr ġie jiswa €16,000 u li eventwalment se titwaħħal fis-sagristija tal-Konkatidral.
Il-Pro-Rettur tal-Konkatidral, Mons. Victor Zammit McKeon, qal li r-restawr ġie fi tmiemu dan ix-xahar, iddedikat lill-Verġni Marija, fl-istess żmien fejn il-Papa Franġisku kien stabbilixxa l-festa ddedikata lill-Verġni Marija bħala ‘Omm il-Knisja’.
Il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral Wilfrid Buttigieg spjega kif il-proċess ta’ restawr fil-Konkatidral huwa sostnut mid-dħul ġenerat mill-viżitaturi, bħala wieħed mill-postijiet li l-iktar iżuruh turisti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici rrimarka li fl-aħħar snin, il-Konkatidral ta’ San Ġwann kellu bosta proġetti li għenu biex jiżdied l-apprezzament mill-komunità lejn dak li sejjaħ monument storiku.
Filmat LIVE: Ian Noel Pace