13:13 Il-Qorti tiċħad it-talba tad-difiża li jkun hemm divjett fuq l-isem taż-żagħżugħ
13:12 Il-Qorti tiċħad it-talba biex l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qalet li dan qed isir minħabba n-natura gravissima tar-reati u li jista' jkun hemm intraġġ fuq il-provi.
12:59 L-avukat tad-difiża qal li qed jitlob għall-ħelsien mill-arrest bħala parti mid-dmir tiegħu. Qal li wieħed irid jara eżatt kif ikun seħħ il-każ. Talab ukoll biex ikun hemm divjett fuq l-isem tal-akkużat. Qal ukoll li ma kellux dubju li nġabru l-provi dwar il-każ u li jinsabu ppreżervati. Hawnhekk il-Pulizija qalet li x-xhud ewlieni jinsab f'sodda l-isptar.
12:57 Il-prosekuzzjoni titlob biex l-imputat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest. Il-Pulizija tgħid li dan kien każ ta' attakk fuq l-istat Malti. Qalet li l-gravità tar-reati hija waħda impressjonanti. Intqal ukoll li l-akkużat ipprovda xi tliet indirizzi differenti u allura hemm tħassib dwar fejn se jkun qed joqgħod jekk jinħeles mill-arrest.
12:52 Qed jaffaċċja 23 akkuża.
12:49 L-akkużat jidħol fl-awla.

Iż-żagħżugħ li lbieraħ tajjar u ħalla pulizija tat-traffiku, Simon Schembri, fil-periklu tal-mewt se stressaq il-Qorti llum f'Nofsinhar akkużat b’attentat ta’ qtil.
L-inċident seħħ ilbieraħ ftit qabel it-8am, meta ż-żagħżugħ ta’ 17-il sena twaqqaf mill-Pulizija tat-Traffiku fi Triq Ħal Qormi f’Ħal Luqa u ntalab juri d-dokumenti.
Skont il-Pulizija, iż-żagħżugħ irrifjuta li jikkoopera u minflok saq u laqat uffiċjal, u kompla jkaxkru għal aktar minn 150 metru tul it-triq.
Minkejja li pprova jaħrab minn fuq il-post, hu nqabad mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) fi Triq Ħal Farruġ, li arrestawh sabiex jitkomplew l-investigazzjonijiet.
Bosta kkundannaw, oħrajn ippruvaw jiddieħku
Kienu bosta dawk li kkundannaw dan l-att li sejħu “moqżież” li seta’ sewa l-ħajja ta’ persuna li kienet qed taqdi dmirha, iżda forsi l-aktar wieħed li spikka kien dak ta’ iben il-pulizija, Sheean Schembri li ddeskriva lil missieru bħala pulizija qalbieni.
Spjega kif l-inċident tal-bieraħ kien ta' qsim il-qalb għalih u għal familtu.
Iben il-vittma kompla jgħid kif missieru kien qed jipprova jipproteġi ħajjet iż-żagħżugħ, li kien qed isuq mingħajr ċinturin tas-sigurtà.
Huwa rreaġixxa wkoll għall-kummenti li bdew iħallu bosta persuni fuq Facebook li bdew propju jiddieħku bl-inċident. Spjega kif diġà hija diffiċli li jmur fi sptar u jara lil missieru fi stat daqshekk ħażin, aħseb u ara jkollu jaqra l-mibegħda li ċerti persuni qed iħallu fuq il-midja soċjali.
Jirreaġixxi l-Bord tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati
Fi stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Bord tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati esprima solidarjetà ma' Simon Schembri.
Filwaqt li l-Bord offra t-talb tal-membri ħalli tirnexxi l-kura li qed jingħata, qed toffri wkoll appoġġ lill-familja Schembri.
Is-Servizz tat-Trasfużjoni tad-demm jitlob għas-solidarjetà mal-Pulizija
Is-Servizz tat-Trasfużjoni tad-demm ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħti d-demm b’solidarjetà mal-Korp tal-Pulizija, speċjalment ma’ Schembri.
Spjegaw kif għal din id-darba mhux qed jintalab grupp ta’ demm speċifiku, u sostnew li kull grupp ta’ demm huwa bżonnjuż.
"Nittamaw li l-ġustizzja tirbaħ" – Forum Unjins Maltin
Il-Forum Unjins Maltin qed tittama li ssir ġustizzja ma' Schembri, filwaqt li wriet solidarjetà miegħu u mal-familja tiegħu f'dan iż-żmien diffiċli.
Fi stqarrija l-Forum insistiet li hemm bżonn li jintwera sapport mal-ħaddiema kollha, filwaqt li jsir sforz sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ikunu aktar siguri.
Sostnew li kull uffiċjal li jispiċċa vittma ta' inċidenti simili, flimkien mal-familji tagħhom għandhom jingħataw is-sapport kollu neċessarju mill-istat.
Ara r-ritratti hawnhekk.
Ritratt: Ian Noel Pace
Newsbook.com.mt għażel li ma jurix wiċċ l-akkużat peress li għandu inqas minn 18-il sena.