Starbucks ħabbret li bi ħsiebha jkollha mas-6,000 ħanut fiċ-Ċina sal-2022.
Dan huwa prattikament id-doppju tat-3,300 ħanut li għandha llum, imferxxin madwar 141 belt Ċiniża. Starbucks daħlet bis-saħħa fix-xena tal-kafè fiċ-Ċina iżda qed tiffaċja kompetizzjoni dejjem akbar minn rivali iżgħar, b’mod partikolari dawk li qed jissejħu boutique coffee sellers. Dan ifisser li Starbucks se tkun qed tiftaħ iktar minn ħanut kuljum.
Dan għandu jwassal, dejjem skont il-previżjonijiet tal-istess kumpanija, li jirdoppja d-dħul operattiv fiċ-Ċina fil-ħames snin li ġejjin. Matul is-sena li għadidet hija għamlet dħul ta’ aktar minn 3 biljuni fir-reġjun tal-Ażja Paċifiku. Dan irrappreżenta żieda ta’ aktar minn 50% fuq is-sena ta’ qabel – it-tkabbir fl-Istati Uniti kien biss ta’ 7%.
Dan ix-xahar Starbucks laħqet ftehim ma’ Nestle, l-akbar kumpanija tal-ikel u xorb fid-dinja, li tat lid-ditta Svizzera drittijiet esklussivi biex tbigħ l-kafè u tejiet fil-
pakkett madwar id-dinja. Starbucks daħħlet 7.2 biljun dollaru minn dan il-ftehim.
B’dan il-ftehim Starbucks trid timmasimizza aktar il-popolarità dejjem aktar ta’
“kafe’ ta’ malajr” id-dar jew fuq il-post tax-xogħol li qed tkompli dejjem tikber
fiċ-Ċina.
Thomson Reuters iċċaqlaq in-negozju tal-kambju lejn Dublin

Thomson Reuters qed tippjana li tittrasferixxi n-negozju tal-kambju minn Londra għal Dublin biex tkun lesta għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea s-sena d-dieħla.
F’nota li bgħatet lill-klijenti, il-grupp qal li kien applika mal-Bank Ċentrali tal-Irlanda, ir-regolatur lokali, għal liċenzja.
Thomson Reuters hija responsabbli għal trading ta’ aktar minn 300 biljun dollaru kuljum. Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-fatt li bil-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-kumpanija kienet se titlef id-drittijiet ta’ passporting, jiġifieri li tbigħ is-servizzi tagħha f’pajjiżi oħra tal-UE. Madanakollu l-kumpanija kienet se tħalli t-teknoloġija u l-impjegati responsabbli għall-ipproċessar u l-ħlasijiet f’Londra. Tant u hekk, li Thomson qalet ma kienet se tkeċċi ebda ħaddiem mill-kapitali Ingliża iżda kienet se timpjega oħrajn ġodda f’Dublin.
L-għażla finali għal Thomson kienet bejn Dublin u Amsterdam, bil-belt Irlandiża tintagħżel għaliex tqisiet bħala aktar effiċjenti f’termini ta’ spejjeż, tnaqqas l-iskariġġ għall-klijenti u anke għaliex din il-belt kienet qed tikber bħala ċentru għat-teknoloġija finanzjarja u r-riċerka li se jippermettu lill-kumpanija tespandi iktar fil-futur.
In-negozju tas-swieq tal-kambju jdawwar madwar 5 triljun dollaru kuljum madwar id-dinja. Thomson Reuters ġiet ffurmata fl-2008 wara l-akkwist tal-kumpanija ta’ media
Reuters min-naħa ta’ Thomson Corporation. Illum il-ġurnata topera f’aktar minn 100 pajjiż u tħaddem ‘il fuq minn 45,000 persuna.
Tkabbir qawwi fl-Ewropa Ċentrali

L-ekonomiji tal-Ewropa Ċentrali komplew jikbru fl-ewwel kwart tas-sena hekk kif grazzi għal żidiet fil-pagi, waslu għal nefqa aktar fuq il-proprjetà. Dan wassal għal żidiet akbar milli mistennija fil-Polonja u l-Ungerija u espansjoni li baqgħet b’saħħitha fir-Repubblika Ċeka.
Il-qgħad fir-reġjun huwa fl-aktar livelli baxxi għal għexieren ta’ snin, u dan wassal biex il-pagi żdiedu b’aktar minn 10% fl-Ungerija u 7% fir-Repubblika Ċeka s-sena li għaddiet. Flimkien ma’ rati tal-imgħax mill-aktar baxxi, dan ikkontribwixxa għal żieda fil-konsum li mbuttat ‘il fuq ir-rata ta’ tkabbir. Dan it-tkabbir hu appoġġjat minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea u investiment mis-settur privat.
Il-GDP tal-Polonja kiber b’5.1% fl-ewwel kwart tas-sena fuq is-sena li għaddiet, u ‘l fuq minn tbassir ta’ 4.8%, fl-Ungerija t-tkabbir kien ta’ 4.4% u r-Repubblika Ċeka 4.5%. Anke l-pajjjiżi aktar fil-Lvant, bħar-Rumanija (4%) u l-Bulgarija (3.5%) irreġistraw riżultati pożittivi. Dan it-tkabbir hu ferm aħjar mill-medja Ewropea, li tinsab madwar 2.4%.
Ir-reġjun tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant hu ta’ importanza qawwija fil-qasam tal-manifattura u fil-katina kummerċjali għal ditti fil-Punent, speċjalment fl-industrija tal-vetturi. Dawn l-ekonomiji jiddependu ħafna fuq l-esportazzjoni. Il-Polonja u l-Ungerija diġà ħabbru li għal din is-sena u aktarx għal 2019 ukoll kienu se jħallu r-rata tal-imgħax qrib 0, li għandu jwassal biex iktar negozji jissellfu u jsaħħu aktar it-tkabbir.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.