Is-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta f’Għawdex se jkunu miftuħin għall-pubbliku bla ħlas. Dan se jsir nhar is-Sibt li ġej, fl-okkażjoni tal-avveniment kulturali Gozo Alive. 
Il-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex, il-Ħabs l-Antik, il-Mużew tal-Istorja Naturali Għawdxija u d-Dar Storika Gran Castello fiċ-Ċittadella, flimkien maċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella, se jinfetħu bejn id-9am u l-5.15pm u bejn is-7.30pm u l-11.30pm.
It-Tempji tal-Ġgantija u l-Mitħna Ta’ Kola fix-Xagħra se jiftħu bejn id-9am u l-5.15pm.  
Se jiġu organizzati wkoll żjarat bi gwida fil-Ħabs l-Antik fl-10am, fit-Tempji tal-Ġgantija fil-11am, fid-Dar Storika Gran Castello fil-11.30am u fil-Mitħna Ta’ Kola f’12pm.
Għal iktar informazzjoni idħol fuq is-sit jew il-paġna ta’ Facebook ta’ Heritage Malta.