Il-fergħa Amerikana tal-grupp internazzjonali Kattoliku Pax Christi kkritikat bl-aħrax id-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li unilateralment iddeċida li jirtira mill-ftehim mal-Iran dwar l-armi nukleari.
Għalkemm pajjiżi bħal Iżrael applawdew id-deċiżjoni Amerikana li tiritra minn dak li hu magħruf bħala l-“Joint Comprehensive Plan of Action", għax skont Iżrael kien jilleġittimizza l-aggressjoni Iranjana fil-Lvant Nofsani, Pax Christi qal li din il-mossa ma tarax fit-tul u hi ġennata.
“Din id-deċiżjoni mhix maħsuba u se tiftaħ il-bieb għall-gwerra jew twassal lill-Iran biex jerġa’ jattiva l-programm nukleari tiegħu. 
Essenzjalment, l-Iran waqqaf il-programm nukleari tiegħu minħabba dan il-ftehim u għax ekonomikament hekk kien jaqbillu biex jevita s-sanzjonijiet ekonomiċi. L-irtirar tal-Istati Uniti ma joffri ebda gwadann la ekonomiku u anqas ta’ xort’oħra” qalet l-organizzazzjoni li taħdem għall-paċi fid-dinja.
Pax Christi qalet li din id-deċiżjoni kienet biss mossa politika hekk kif Trump qed jipprova jsaħħaħ il-legat personali tiegħu à skapitu tal-kisbiet li għamel il-predeċessur tiegħu Barack Obama.
L-għaqda wissiet li din id-deċiżjoni tista’ twassal għat-tkissir tal-proċess diplomatiku ma’ mexxejja dinjija oħra u hi eżempju ieħor ta’ tnaqqir ta’ paċi sostenibbli
F’dawn il-jiem Trump ħeġġeġ kontroversja oħra bid-deċiżjoni li jittrasferixxi l-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm, liema deċiżjoni ġiebet protesti kbar li wasslu għal għadd ta’ mwiet.
Il-President Amerikan hu mistenni jiltaqa’ mal-President tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un f’Singapor ix-xahar id-dieħel għal taħditiet biex il-Peniżola tal-Korea tkun ħielsa mill-armi nukleari. 
Madankollu f’dawn il-jiem kien hemm dubju jekk din il-laqgħa ssirx jew le.