“Illum miet ġgant spiritwali li dejjem għex l-umiltà u s-servizz lejn l-oħrajn. Eluf kbar ta’ nies huma midjuna ma’ Fr Arthur Vella SJ jew Turu kif konna nafuh”.
Hekk qal Fr Joe Borg meta kien ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt wara li tħabbret il-mewt tal-Ġiżwita Turu Vella, fl-4am llum fil-festa ta' Pentekoste.
“Ħafna saċerdoti sabu fih missier, lil mijiet ta’ koppji għenhom isalvaw iż-żwieġ tagħhom, lil mijiet ta’ żgħażagħ għenhom isibu t-triq li kellhom jaqbdu fil-ħajja, għal ħafna reliġjużi kien importanti biex jiskopru aħjar il-kariżma tal-ordni tagħhom” qal Fr Borg.
“Jien u ħafna, ngħid mijiet jekk mhux eluf, illum tlifna mhux biss ħabib iżda missier”, temm jgħid.
Fr Arthur twieled iż-Żejtun fis-27 ta’ Settembru, 1930, il-kbir fost erbat aħwa.
Ironija providenzjali
“Jekk tħares lejn ħajjet Turu tinduna li dejjem fittex li jagħmel ir-rieda ta’ Alla” qal Fr Borg. “Hemm element ta’ ironija providenzjali fil-fatt li skopra l-vokazzjoni u daħal is-Seminarju waqt irtir li għamel għand il-Ġiżwiti biex imbagħad snin wara, id-dixxerniment kontinwu li kien jagħmel urieh li għandu jidħol mal-Ġiżwiti.”
Fil-fatt skopra l-vokazzjoni waqt irtir fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Birkirkara u wara daħal is-Seminarju fejn, bħala parti mit-taħriġ tiegħu studja l-filosofija, il-matematika u l-ekonomija fl-Università ta’ Malta.
Iżda matul il-mixja vokazzjonali ntebaħ li Alla xtaqu jsir Ġiżwita. Ingħaqad mas-Soċjetà  ta’ Ġesù fl-1952.  Kien ordnat saċerdot fl-1960 u ħa l-voti solenni fl-1966.
Serva l-Knisja kull fejn kien hemm bżonn
Huwa serva lill-Ordni tal-Ġiżwiti u lill-Knisja f’Malta u barra minn Malta. Fost ħafna affarijiet oħra serva bħala provinċjal tal-Ġiżwiti f’Malta,  bħala Rettur tal-“Ġesù”, il-Kulleġġ Internazzjonali tal-Ġiżwiti f’Ruma, u bħala Direttur tas-Segretarjat tal-Ispiritwalità Injazjana fil-Kurja tal-Ġiżwiti f’Ruma u anke għamel żmien jaħdem fiċ-Cili.
“Fost il-ħidmiet li l-aktar kien jitkellem fuqhom kien hemm il-missjoni li tah il-Papa meta fl-1971 għażlu biex taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Lemieux ikun membru tal-Kumitat Straordinarju responsabbli mir-riforma tal-amministrazzjoni tal-propjetà tal-Knisja f’Malta” kompla Fr Borg.
Huwa żied li dejjem kien isemmi anedotti differenti dwar din il-ħidma li fl-opinjoni tiegħu ma wasslitx għas-suċċess sħiħ li għalih ħadem Fr Arthur.
“Turu kien il-ħabib tal-qassisin. Lill-qassisin Maltin sar jafhom ħafna anke minħabba li għamel żmien twil jgħallem  fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u snin oħra bħala direttur spiritwali fis-Seminarju f’Malta. Lill-qassisin Għawdxin qorob ħafna lejhom meta kien rettur tas-Seminarju f’Għawdex”.
Il-kmamar favoriti ta’ Turu
“It-tliet kmamar favoriti ta’ Turu kienu l-librerija, il-parlatorju u l-kappella. Il-librerija kienet il-post fejn baqa’ jżomm ruħu aġġornat. Il-parlatorju kien il-post fejn jilqa’ ‘purċissjoni’ kontinwa ta’ kull tip ta’ persuna li xtaqet l-għajnuna tiegħu.
Il-kappella l-post fejn kien jisma’ Leħen il-Maħbub u minn fejn kien iġib il-qawwa biex bħalu jservi lil għajru b’imħabba kbira.
Baqa’ jservi u jħobb anke mill-kamra tal-isptar fejn qatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajtu jinteressa ruħu fil-ħtiġijiet ta’ għajru u jara kif jista’ jgħin” temm jgħid Fr Borg.
“Illum Turu qiegħed fi ħdan l-Imħabba li ma tintemmx.”
Ritratt: Fr Joe Borg u Fr Arthur Vella d-dar ta’ Fr Borg jaħslu l-platti wara BBQ ma’ għadd ta’ ħbieb fuq il-bejt.