In-Nature Trust – FEE Malta qalet li l-infurzar tal-liġi fiż-żoni tan-Natura 2000 huwa fqir ħafna.
Fi stqarrija, l-għaqda ambjentali qalet li fiż-żoni protetti marittimi l-infurzar prattikament ma jeżistix.
L-NGO qed tħeġġeġ lil Gvern sabiex juri aktar impenn politiku lejn kull sit ta’ Natura 2000 f’Malta. 
L-għaqda qalet li l-unika żoni tan-Natura 2000 li qed jiġu mmaniġġjati huma dawk li jinvolvu xi għaqda ambjentali. Żiedet tgħid li l-oħrajn qed jiġu mmexxija biss fuq il-karta mingħajr involviment attiv.
Il-21 ta’ Mejju hu l-Jum Ewropew Natura 2000. Din il-ġurnata tikkomemora l-21 ta’ Mejju 1992, meta d-direttiva Ewropea tal-ambjent u l-programm LIFE kienu approvati.
Malta għandha 34 sit ta’ Natura 2000 fuq l-art u 14-il sit fil-baħar.
Filwaqt li n-Nature Trust – FEE Malta tirrikonoxxi l-importanza ekoloġika ta’ kull sit f’Malta, hija tirrikonoxxi ukoll id-dmir li għandhom l-awtoritajiet lokali sabiex jikkonservaw u jieħdu ħsieb dawn is-siti.