Is-Segretarju Parlamentari għall-Innovazzjoni Silvio Schembri nieda l-proġett FLASC, sistema li taħżen l-enerġija rinovabbli li hi ffinanzjata mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).
Fi stqarrija, is-Segretarjat qal li l-proġett  jgħaqqad is-sistemi rinovabbli offshore, dawk li jiġu mix-xemx, ir-riħ u l-mewġ, u juża arja kompressata biex tinħażen l-enerġija.
Peress li din l-enerġija tkun qed tiġi maħżuna f’forma ta’ fluwidu bi pressjoni, l-enerġija ħadra rinovabbli tinżamm għal perjodu qasir ta’ żmien sabiex tkun tista’ tissuplixxi aħjar fil-ħinijiet l-aktar li jkun hemm domanda għaliha.
Schembri qal li l-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta hija ta’ vantaġġ kbir. Qal li Malta taspira li ssir ċentru marittimu li jippromwovi l-innovazzjoni. Stqarr li “huwa ta’ unur għal Malta li l-proġett FLASC ġie fit-tieni post minn fost 158 kompetitur f’kompetizzjoni Ewropea għall-startups ġodda fl-InnoEnergy.”
Il-proġett FLASC jikkonsisti fi pjattaforma stabbli li żżomm fil-wiċċ tal-baħar,  tuża sistema ġdida ta’ dual-chamber li tħalli ll-pressjoni tal-arja kompressata tiġi kkontrollata indipendentament mill-fond tal-baħar. Waħda mill-isfidi ewlenin għall-ħażna tal-arja kompressata hija li wieħed iżomm il-pressjoni tal-arja kompressata stabbli kemm jista’ jkun.
Il-proġett, immexxi mill-Prof. Ing. Tonio Sant, huwa kollaborazzjoni bejn il-Fakultà tal-Inġinerija u l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli tal-Università ta’ Malta u Medserv plc. Il-proġett wasal fil-fażi ta’ analiżi u ġbir ta’ dejta. Barra minn hekk, il-kunċett FLASC kiseb il-patenta b’suċċess. Huwa proġett ieħor iffinanzjat mill-MCST li rċieva €193,206 fuq tliet snin mill-programm FUSION.
FUSION  huwa l-programm Nazzjonali għal Riċerka u Innovazzjoni li pprovda fondi għal ħafna riċerkaturi b’baġit totali ta’ 7 miljun ewro tul dawn l-aħħar erba’ snin.
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo