Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, staqsa kif jista’ jkun li żagħżugħ li għandu biss 17-il sena għandu daqshekk stmerrija lejn il-ħajja li wasslitu sabiex iweġġgħu pulizija.
Dan qalu waqt intervista li saritlu fuq Radio 101, b’referenza għaż-żagħżugħ li nhar it-Tlieta kaxkar lill-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri, u ħallieh jissielet għal ħajtu għal xi jiem.
Dr Delia saħaq li jrid soċjetà li jimpurtaha li tħares il-valur tal-ħajja u li tirrispetta d-dedikazzjoni ta’ dawk il-persuni li jagħtu ħajjithom sabiex jipproteġu lill-oħrajn.
Spjega li l-viżjoni tiegħu għal Malta, hija soċjetà li jimpurtaha mill-forzi tal-ordni b’rispett lejn il-membri tal-Korp li jissograw ħajjithom biex jagħtu s-sigurtà lin-nies. Sostna li l-membri tal-Korp tal-Pulizija flimkien mal-familji tagħhom jagħmlu dan b’dedikazzjoni u sagrifiċċji kbar.
B’referenza għall-mistoqsija dwar l-anzjani li jibżgħu joħorġu mid-djar tagħhom minħabba li mhux qed iħossuhom siguri, sostna li jrid soċjetà li jimpurtaha mill-ħarsien tas-sigurtà fejn kulħadd ikollu rispett lejn xulxin.
Spjega kif hemm bżonn li l-pajjiż jerġa’ jiġi fi stat fejn l-anzjani ma jibżgħux jibqgħu waħedhom fi djarhom u li l-ġenituri ma jibżgħux iħallu lit-tfal jilgħabu barra, jew imorru f’postijiet ta’ divertiment.
“Hemm bżonn soċjetà li toffri għajxien diċenti lil kulħadd”
Fost l-ispunti li qamu fl-intervista, Dr Delia sostna li hemm bżonn li s-soċjetà toffri kull rispett lill-ħaddiema kollha u dawk kollha li jaslu biex jibdew jirċievu l-pensjoni wara ħajjithom jaħdmu.
Hawnhekk sostna li hemm bżonn li l-ħaddiema jgħixu f’soċjetà li jimpurtaha, li toffrilhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u paga li tagħtihom għajxien diċenti.
Saħaq li l-Gvern qal li l-ekonomija sejra tajjeb, iżda bl-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni, l-ħaddiema u l-anzjani mhux qed iħossu s-surplus.
Huwa qal li hawn ħaddiema li qed ikollhom jaħdmu ferm aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja normali. Dan filwaqt li hawn familji li qed ikollhom jgħixu fil-garaxxijiet mingħajr servizzi bażiċi, minħabba li ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż tal-kirjiet.
“Determinat li l-PN jibqa’ l-vuċi tan-nies”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li jinsab determinat li l-Partit jibqa’ wieħed li jpoġġi lin-nies l-ewwel u qabel kollox, u  li se jibqa’ jkun il-vuċi tagħhom.