Kelliem għall-Kurja qal lil Newsbook.com.mt li mhux veru li l-Arċisqof Charles Scicluna ordna lill-Patri Mark Montebello, biex ma jkomplix jikteb fil-gazzetti kif ġie rrappurtat illum f'diversi midja u fuq il-midja soċjali.
L-istess kelliem qal dan għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mtfilwaqt li spjega li "l-Kurja lanqas mhi infurmata dwar dak li ġie rrappurtat f'It-Torċa". 
Ir-rapport ta' It-Torċa ġie rrappurtat ukoll minn mezzi oħra tax-xandir u qanqal diversi kummenti fuq il-mezzi soċjali.
Sorsi qrib il-Kurja tal-Arċisqof qalu ma' Newsbook.com.mt li ġranet qabel ma ġie ppubblikat ir-rapport fit-Torċa, il-Kurja kienet diġà infurmat lill-gazzetti tal-Union Print li l-Kurja ma kinitx infurmata dwar xi tip ta' ċensura fuq Patri Mark. Il-mezzi tax-xandir li rrepetew dak li kitbet It-Torċa ma avviċinawx lill-Kurja biex jivverifikaw il-fatti qabel ma ppubblikawhom.
It-Torċa qalet li l-kolonna ta' Patri Mark Montebello kienet nieqsa mill-edizzjoni tal-lum, minħabba li fi kliemha l-Knisja heddet lill-Patri Mark li ċċaħħdu mill-istatus ekkleżjastiku tiegħu jekk ma jobdix l-ordnijiet tagħha.  Skont il-gazzetta, dan minħabba l-kritika tiegħu għall-istrateġija tal-Knisja kontra l-emendi proposti mill-Gvern biex idaħħal l-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf.