Il-Parlament illejla approva fi stadju tat-Tieni Qari l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni; abbozz ta’ liġi li effettivament jippermetti li jkun hemm l-iffriżar tal-embrijuni u konsultazzjoni dwar il-kiri tal-ġuf.
L-approvazzjoni tal-abbozz ta’ liġi fit-Tieni Qari saret wara votazzjoni, hekk kif l-Oppożizzjoni talbet division u l-emendi għaddew b'36 vot favur u 29 kontra.
Il-membri kollha tal-Oppożizzjoni kollha inkluż dawk tal-Partit Demokratiku vvutaw kontra. 
L-emendi issa jgħaddi għall-istadju ta` kumitat wara li l-Oppożizzjoni ma laqgħetx it-talba tal-Ministru għas-Saħħa biex l-emendi jiġu diskussi fil-kamra u mhux waqt il-kumitat.
"Għal liġi b'aktar opportunitajiet għal dawk li jixtiequ t-tfal" – Il-Gvern
Fi stqarrija, il-Gvern qal li d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, f'dawn il-ġranet qed jiltaqa' ma' diversi NGOs u ma' għaqdiet oħra li esprimew opinjoni dwar dawn l-emendi. L-istqarrija tgħid li l-għan hu li fi stadju ta' kumitat, il-liġi tkun tista' tiġi irfinuta aktar. 
Il-Gvern jisħaq li dan se jwassal għal liġi b'aktar opportunitajiet għal dawk li jixtiequ jkollhom it-tfal.
"L-Oppożizzjoni vvutat favur il-ħajja" – PN
Il-membri kollha tal-Oppożizzjoni vvutaw kontra l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni bil-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jgħid li l-Oppożizzjoni kollha vvutat favur il-ħajja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni għamlet dan “għax trid tipproteġi l-ħajja sal-mewt naturali tagħha”.
Sostna li llum fi tmiem id-dibattitu bil-vot li ttieħed fil-Parlament biex l-emendi jgħaddu għal stadju ta’ kumitat kien hemm “pożizzjoni ċar ħafna bejn iż-żewġ partiti”.
Kompla jgħid li “ma baqa ebda dubju l-interessi fejn qiegħdin”.
Spjega li dan ma jfissirx li l-Oppożizzjoni ma tibqax titkellem għal dawk li ma jistax ikollom tfal.
Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari, Delia qal li din ma kienitx liġi dwar l-IVF billi sostna li “din mhi xejn il-liġi tal-IVF, din kienet daħlet fi żmien Gvern Nazzjonalista”.
"Vot favur il-familji li jagħti vuċi lil min m’għandux" – PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista saħaq li l-vot favur l-emendi kien vot favur il-familji, "għax dawn l-emendi jaħsbu biex jagħtu tama ġdida lil koppja minn kull sitta li ssofri mill-kundizzjoni tal-infertilità".
Il-PL stqarr li jemmen li l-Gvern issa għandu jkun miftuħ għal suġġerimenti oġġettivi fi stadju ta' kumitat u jtejjeb fejn meħtieġ dak propost, mingħajr ma tkun imminata l-wegħda elettorali.
"Jekk dan l-abbozz isir liġi, se jżeblaħ il-ħajja" – PD
Filwaqt li spjega li l-Partit Demokratiku huwa favur l-IVF u għajnuna li tindirizza l-infertilità, fid-dikjarazzjoni tal-vot sostna li jekk dan l-abbozz isir liġi, tkun waħda li żżeblah il-ħajja. 
Saħaq li biex bniedem igawdi mid-drittijiet ċivili kollha jrid jitħalla jgħix u mhux jitpoġġa f'periklu fejn ħajtu tintilef ħesrem. 
Irrimarka li meta embrijun jiġi ffriżat, ħajtu titpoġġa f'periklu reali u xjentifikament pruvat. 
Kompla jgħid li mingħajr l-iffriżar tista' u diġa qed tiġi indirizzata l-ġerħa tal-infertilità, filwaqt li jinżamm l-għola rispett u ħarsien lejn il-ħajja tal-bniedem.
"L-infertilità hi kundizzjoni medika" – Malta Infertility Network
Fi stqarrija, l-NGO, Malta Infertility Network laqgħet il-vot favur l-emendi tal-liġi, u appellat biex waqt id-diskussjonijiet u s-suġġerimenti fi stadju ta' kumitat, wieħed iżomm f'moħħu li l-infertilità hi kundizzjoni medika.