Ulied il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia qalu li l-legat t’ommhom huwa rigal lis-soċjetà li ispira eluf ta’ persuni f’Malta u madwar id-dinja li sabu vuċi biex jiġġieldu l-inġustizzji fis-soċjetà.
Matthew u Andrew Caruana Galizia qalu dan fl-okkażjoni tal-premju tal-European Leadership Awards li ngħatat ommhom mill-Euronews u l-EBS b’tifkira tal-kontribut tagħha fil-ġurnaliżmu investigattiv.
Semmew kif f’Malta hawn politiċi u uffiċjali tal-Gvern li huma kuntenti bil-mod brutali ta’ kif inqatlet ommhom minkejja li qatt ma qraw dak li kitbet.
Qalu li uħud mill-persuni li kienu responsabbli mill-protezzjoni tagħha, llum huma kuntenti li ommhom inqatlet, għax issa ma tistax tirrapporta aktar dwar il-ksur etiku tagħhom.
Sostnew li mod ieħor kif jitkisser il-legat ta’ ġurnalista, huwa l-mod ta’ kif jitgħawwġu l-fatti mill-kontroll li qalu għandu l-Gvern fuq il-midja tal-istat.
Matthew u Andrew Caruana Galizia komplew jgħidu li tattika oħra hija dik li tnessi lin-nies dwar dak li kienet tikteb ommhom. Ikkritikaw il-fatt li t-televiżjoni tal-istat qatt ma jirrappurta l-manifestazzjonijiet li qed isiru darba fix-xahar biex ifakkru l-qtil tagħha.
Semmew kif anke l-monument temporanju fil-Belt Valletta tneħħa disa’ darbiet, u bl-istess mod jiġu żarmati banners li jittellgħu li jfakkru fiha.
Temmew jgħidu li l-mod kif inqatlet il-ġurnalista turi diżastru għall-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa u n-nuqqas ta’ poter li għandha l-istess Ewropa.