Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li qed tirriserva kull dritt legali fil-konfront tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Maltapost dwar it-tnedija ta’ sett ta’ muniti u bolol.
Fi stqarrija, il-V18 qalet li fl-ebda ħin ma’ ntalbet l-awtorizzazzjoni għall-istampar ta’ dan is-sett ta’ bolol u l-produzzjoni tal-muniti.
Il-Fondazzjoni kienet qed tirreferi għat-tnedija ta’ sett ta’ muniti u bolol mill-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Maltapost rispettivament fl-okkażjoni tal-Valletta 2018, ‘Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura’.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qalet li hija diżappuntata dwar “in-nuqqas ta’ etika minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet li suppost jafu biżejjed kif timxi l-proċedura f’okkażjonijiet bħal dawn”.
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta kien qal li se joħroġ muniti ta’ €2 li jikkommemoraw il-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura, l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u munita oħra li turi l-magħmudija ta’ Kristu.
Fid-19 ta' Mejju, il-Maltapost qalet li fit-22 ta' Mejju kienet se tniedi sett ta' bolol biex tikkommemora t-titlu tal-Belt Valletta.