Il-familja Caruana Galizia għaddiet il-laptops tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia lill-Pulizija Federali tal-Ġermanja (BKA) skont The Daphne Project.
Skont il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung, il-Pulizija Ġermaniża issa għandha fil-pussess tagħha żewġ laptops u numru ta’ hard disks tal-ġurnalista.
Is-Süddeutsche Zeitung hija parti minnThe Daphne Project, proġett magħmul minn konsorzju ta’ 45 ġurnalist minn 18-il organizzazzjoni tal-midja madwar id-dinja, fosthom it-Times of Malta.
Il-BKA qalet mal-gazzetta li “rappreżentanti tal-familja” ta’ Caruana Galizzia għaddew l-apparat elettroniku lill-Pulizija fis-27 ta’ April.
Skont it-Times of Malta, l-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant ġie mgħarref li l-Pulizija tal-Ġermanja kellha l-laptops ta’ Caruana Galizia.
Il-Pulizija lesta li tgħaddi kopji tal-informazzjoni li hemm fuq il-laptops lill-Maġistrat Bugeja.
Lejn il-bidu ta’ Mejju, wieħed mill-akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Alfred Degiorgio, insista li kien hemm ksur ta’ smigħ xieraq fl-investigazzjonijiet fl-assassinju hekk kif il-laptop tal-ġurnalista kien għadu ma nstabx.
L-avukat tiegħu mbagħad ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti biex il-Kummissarju tal-Pulizija jiġbor il-laptop ta’ Caruana Galizia.
Waqt intervista fuq is-CNN, mistoqsi dwar il-laptop li kienet tuża ommu, Matthew Caruana Galizia qal li ma jafx fejn hu u li kieku jaf xorta ma kienx jgħaddih lill-awtoritajiet.
Ritratt: Arkivji