Diversi siti Taljani qed jirrappurtaw li l-kantanti Romina Power u Albano Carrisi jistgħu jerġgħu jiżżewġu.
L-istess rapporti qed jgħidu li dan jista’ jseħħ 48 sena wara li kienu żżewġu għall-ewwel darba.
Jidher li t-twelid tan-neputi Kay minn binthom Kristel, reġa’ qarribhom lejn xulxin, kemm fid-dinja tal-kant kif ukoll fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Snin ilu, Albano u Romina kienu tilfu lil binthom Ylenia u dan wassal għal snin twal ta’ qrati u akkużi serji bejniethom.
Kien ħames snin ilu meta ħabib komuni tagħhom Russu, ġietu l-idea li jerġa’ jtellagħhom ikantaw flimkien fl-okkażjoni ta’ għeluq is-70 sena ta’ Albano.
F’Moska, Romina Power telgħet mill-ġdid fuq l-istess palk tkanta l-kanzunetti ma’ Albano. Is-suċċess li kisbu wassalhom biex jerġgħu jkantaw flimkien f’Atlantic City, fi Spanja, fil-Ġermanja u postijiet oħra.
Intant Albano ħabbar li temm ir-relazzjoni tiegħu ma’ Loredana Lecciso.
Il-fans tal-kantanti għandhom ġenn sabiex jerġgħu jarawhom jingħaqdu flimkien fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.