“Huwa oxxen u immorali għall-aħħar li xi persuni viċin il-Partit Laburista ħolqu fake profiles fuq Facebook u Twitter biex jerġgħu jivvintaw gidba fuqi”.
Il-Membru Nazzjonalista Jason Azzopardi hekk wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar allegazzjonijiet li dehru dwaru fuq Facebook.
Żied jgħid li jieħu passi legali jekk min hemm wara dawn “il-fake profiles” jiġi identifikat.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-avukat se jitlob lit-Taqsima tal-Pulizija fuq Cyber Crime biex tinvestiga, ħalli taqbad lil min qed ixerred dawn l-aħbarijiet.
Huwa ddeskriva dak miktub fuq Facebook bħala “gidba oxxena”  u ddikjara li “la  fl-Għassa ta’ Bormla u lanqas f’ebda post ieħor ma għamel xi ħaġa illeċita jew illegali fil-konfront tal-pulizija mara msemmija fil-gideb li hemm fil-fake profiles”.
Meta Newsbook.com.mt innota li mal-profil hemm ritratt, Dr Azzopardi wieġeb li “huwa fatt magħruf li billi jkun hemm ritratt u isem ma jfissirx li dak huwa profil veru”.
Dwar dawk li għamlu share, l-MP Nazzjonalista wieġeb li diġà talab lill-avukati tiegħu jaraw x’passi legali jistgħu jittieħdu kontrihom.
Żied jgħid li fl-opinjoni tiegħu, il-fatt li dak li nkiteb fuqu qed jiġi xxerjat minn nies qrib ħafna tal-Gvern, juri “biċ-ċar li hawnhekk qed nitkellmu dwar kampanja orkestrata mill-Gvern biex iħammiġli ismi”.
Azzopardi qal li mhux l-ewwel darba li saru allegazzjonijiet anonimi kontra tiegħu.  Bħala eżempju semma li fl-2016 intbagħtet ittra anonima tallega li meta kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet huwa abbuża fil-mod kif mexa dwar id-dar tiegħu f’Santa Luċija.
Huwa qal li “l-Awditur Ġenerali ħareġ rapport li wera li mhux biss ma kienet saret l-ebda preferenza miegħi iżda għal kuntarju l-proċeduri mxew ħafna aktar bil-mod milli jsir is-soltu u li jien kont imxejt b’mod korrett”.
Stqarr ukoll li lejn tmiem l-2015, uffiċjal tal-Prim Ministru kien ipprova jagħti din l-“istorja” lil gazzetta ewlenija bl-Ingliż li ma kinitx aċċettat li tippubblikaha għax ikkonkludiet li kollox kien sar sew.
Azzopardi saħaq li lilu ħadd mhu se jagħlaqlu ħalqu.
Newsbook.com.mt qiegħed jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu dwar dawn il-profiles.