Żewġ studenti li waslu fit-tmiem tal-kors tal-Bachelor of Fine Arts (Honours) in Digital Arts, tellgħu wirja tal-arti f'lukanda f'Ħ’Attard.
Permezz ta’ din il- wirja, bit-titlu “Into the Uncanny”, Kathleen Bulteel u Victoria Gatt urew ġabra ta’ xogħlijiet li jagħmlu parti mit-teżi tagħhom. Kathleen preparat sensiela ta’ prints fejn użat it-teknika tal-collage sabiex tirrapreżenta viżwalment siltiet mill-ktieb ta’ Simon Bartolo, Deformity. Waqt li kienet qed twettaq ir-riċerka tagħha, Kathleen għarfet li x-xogħlijiet li nħolqu minn membri tal-moviment artistiku magħruf bħala “DADA”, setgħu jservu ta’ ispirazzjoni fil-ħolqien tar-rapreżentazzjonijiet tagħha.
Victoria użat metodu artistiku totalment differenti u xogħolha jiffoka fuq it-tema tal-biża’ irrazzjonali.
Grazzi għal informazzjoni li ġabret minn kwestjonarju li tqassam lil individwi ta’ età u sess differenti, Victoria rnexxiela toħloq pitturi li għandhom stil konsistenti iżda li jirrapreżentaw diversi bizgħat, bħall-biża’ mid-dud u l-biża’ mill-wirdien.