Se titnieda l-verżjoni bil-Malti tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew) mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Fi stqarrija, il-Kurja tal-Arċisqof qalet li l-preżentazzjoni se ssir nhar il-Ħamis, fis-7:00 pm fil-bitħa ċentrali tas-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, ir-Rabat.
Il-frażi tal-isem tal-Eżortazzjoni hija meħuda mill-Beatitudnijiet tal-Evanġelju skont San Mattew u t-tema ta’ dan id-dokument tal-Papa hija dwar is-sejħa għall-qdusija fid-dinja tal-lum. Il-Papa jfakkar li l-Knisja tgħallem li l-qdusija hija sejħa universali.
Fi tmiem il-preżentazzjoni, l-Arċisqof se jmexxi mument ta’ talb. Il-pubbliku hu mistieden li jattendi.
It-traduzzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika mit-Taljan għall-Malti saret minn Francesco Pio Attard għall-Konferenza Episkopali Maltija.
Il-verżjoni stampata hija disponibbli mill-ħanut Emmaus f’Birkirkara, filwaqt li l-verżjoni onlajn tinsab fuq il-website uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-website tas-Segretarjat għal-Lajċi fejn hemm ukoll verżjoni bl-awdjo għall-persuni neqsin mid-dawl.