Tabib fl-Istati Uniti allega li l-kumpanija Steward Health Care gidbet mal-pazjenti u li poġġiet pressjoni enormi fuq it-tobba.
Rapporti fil-Boston Globe u Becker’s Hospital Review żvelaw li t-tabib fetaħ kawża bħala whistle-blower kontra l-kumpanija Steward li għandha l-uffiċini ċentrali tagħha f’Boston.
Il-ġurnali qalu li l-kawża li fetaħ it-tabib tiżvela parti mill-qasam tal-mediċina li tinħeba mill-pazjenti. Dan b’referenza għall-kumpaniji tas-saħħa li jagħmlu pressjoni fuq it-tobba biex iżommu l-pazjenti fi ħdan l-isptarijiet tal-istess kumpanija.
Dr Stephen Zappala qed jallega li rappreżentanti ta’ Steward għamlu pressjoni personali u finanzjarja kbira fuqu u fuq il-kollegi tiegħu biex ipoġġu l-profitti qabel il-pazjenti. Huma riedu li l-pazjenti jiġu riferuti biss għand sptarijiet u tobba ta' Steward.
Il-kawża ta’ 35 paġna tgħid li Steward kienet iċċempel lill-pazjenti u tigdeb. Kienu jgħidulhom li l-interventi li jkollhom bżonn setgħu jsiru biss fi sptarijiet ta’ Steward. Dan anke meta t-tobba kienu jirrakkomandaw sptar ieħor.
Drabi oħra, Steward kienet tikkanċella appuntamenti għal pazjenti li kienu jsiru mill-uffiċju ta’ Zappala li kien ikun għamel ma’ kompetituri ta’ Steward.
Zappella qed jgħid li meta rrifjuta li jobdi minn Steward, il-kumpanija bdiet tiddixxiplinah għal affarijiet żgħar. Eventwalment ikkanċellatlu l-permess li jagħmel operazzjonijiet fl-Isptar tal-Familja Mqaddsa ta’ Steward fi Methuen.
Steward u tliet tobba ċaħdu l-allegazzjonijiet u talbu lill-Qorti biex tiċħad ir-rikors. Il-Qorti ma aċċettatx din it-talba.
L-avukat ta’ Steward qal li Zappella ġie ddixxiplinat talli naqas milli jieħu ħsieb il-pazjenti. Qal li l-politiki li jiskoraġġixxu r-riferimenti huma legali.
L-imħallef qal li dan kien l-istess argument li jagħmlu t-tfal mal-ġenituri meta jgħidu li “t-tfal l-oħra kollha hekk jagħmlu”.
L-avukat ta' Steward beda jargumenta wkoll li Zappella m'għandux jiġi kkunsidrat bħala whistle-blower
Zappala qal li l-affarijiet bdew jinbidlu fl-2010 meta l-kumpanija Cerberus Capital Management xtrat netwerk ta’ sptarijiet. Dawn imbagħad issemmew Steward.
Tabiba oħra li ntalbet tixhed qalet li kollox kien sar qisu negozju bil-flus jkunu dawk li jmexxu kollox.
Il-Ministru għas-Saħħa f'Malta Chris Fearne kien qal fil-Parlament li wara l-isem Steward Health Care hemm trust kbir internazzjonali li jispeċjalizza fi proprjetajiet mediċi magħrufa bħala Medical Properties Trust, is-Cerberus Capital Management u qafas maniġerjali ieħor magħmul mit-tobba fundaturi tal-kumpanija li għandhom f’idejhom it-tmexxija ta-kumpanija u huma wkoll shareholders. 
Ritratt: Google