L-anzjani se jkunu jistgħu jixtru bonds speċifikament għalihom sabiex ikunu jistgħu jkomplu jfaddlu, kif ukoll ikollhom dħul aħjar minn dak li joffri s-suq.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li spjega li l-bonds se jkun jisimhom 62+ Government Savings Bonds.
Il-Ministru spjega li dawn huma mmirati speċifikament għal dawk li diġà għadhom 62 sena jew se jagħlquhom din is-sena.
Intqal li għall-bonds li ħarġu fl-2017 daħlu madwar 8,000 applikanti rġiel u madwar 8,130 applikanti nisa.
Il-Ministru Scicluna żied li dawn il-bonds se jinħarġu b’rata ta’ imgħax ta’ 3%, li hi ferm aħjar minn dik tas-suq biex l-anzjani jtejbu d-dħul tagħhom.
Qal ukoll li l-ammont massimu li jista’ jkun investit fil-ħruġ ta’ Bonds 62+ ta’ din is-sena hu ta’ €8,000 filwaqt li l-minimu li wieħed jista’ jinvesti hu ta’ €500 kull persuna.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi intqal kif l-Accountant General nieda l-ħruġ ta’ €65 miljun għat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta, u din is-somma tista’ tiżdied b’massimu ta’ €35miljun f’każ li din id-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ. Dan il-bond qed jiġi offrut lill-individwi li twieldu matul is-sena 1956 jew qabel.
F’każ li jkun hemm għadd akbar ta’ nies interessati minn kemm possibbli, tingħata preferenza lil dawk li m’applikawx is-sena l-oħra.
Id-data tal-ħruġ tal-bonds għal din is-sena hi l-11 ta’ Ġunju, 2018.