2 minuti qari

Il-deputat Laburista Edward Zammit Lewis qal li d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li tinsab f’Malta kellha ħafna informazzjoni li kienet skorretta.
Bħalissa f’Malta hawn id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li qed tiffoka fuq Malta. Din id-delegazzjoni hija mmexxija mill-Membrui Parlamentari Ewropew Soċjalista Ana Gomes u hija komposta mill-Ewroparlamentari tal-partit tal-Ħodor Sven Giegold u l-Ewroparlamentari Malti David Casa.
F’kummenti mal-midja, id-deputati Laburisti qalu li waqt il-laqgħa ġew spjegati u ċċarati s-sistemi demokratiċi kif jaħdmu f’Malta.
Zammit Lewis qal li d-delegazzjoni ma kinitx taf li hemm kumitat permanenti ta’ skrutinju għall-ħatriet pubbliċi u għall-ħatriet ta’ ambaxxaturi. Qal ukoll li lanqas kienu jafu li kulħadd jista’ jmur għand maġistrat inkwirenti biex issir inkjesta.
Qal ukoll li l-prijoritàtal-Partit Laburista fil-Gvern hi li jiddefendu lil Malta u kien għalhekk li ltaqgħu mad-delegazzjoni
Mistoqsi dwar għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ltaqax mad-delegazzjoni, Zammit Lewis wieġeb fl-oppinjoni tiegħu, il-Kummissarju m’għandux jiltaqa’ mal-politiċi.
Aktar kmieni, Gomes, Giegold u Casa kkummentaw u qalu li d-diskussjonijiet qed jiffukaw fuq l-istat tad-dritt, l-investigazzjoni fuq l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia u l-ħasil tal-flus. Qalu li dan qed isir wara l-pubblikazzjoni tal-Panama Papers.
Il-Membri tal-PD jiltaqgħu mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li ltaqa’ mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fejn ir-rappreżentati tal-PD saħqu għall-bidla istituzzjonali.
Il-Partit Demokratiku spjega li l-Gvern preżenti jgawdi minn vantaġġ li skont il-PD jista’ “jbeżża’ u jagħmel il-pjaċiri” biex jakkwista l-voti.