Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ppreżenta t-tibdiliet fl-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni għall-istadju ta’ Kumitat Parlamentari.
Adozzjoni tal-embrijuni ffriżati
Fost it-tibdiliet li qed jipproponi l-Gvern hemm dawk relatati mal-adozzjoni tal-embrijuni ffriżati, fejn il-Gvern qal li għalkemm il-koppji se jingħataw iċ-ċans ta’ ċiklu addizzjonali biex jimpjantaw l-embrijuni, fin-nuqqas ta’ dan, l-embrijuni se jingħataw għall-addozzjoni.
Fil-Parlament, il-Ministru Fearne qal li l-ġenituri prospettivi se jkollhom jgħaddu mill-istess proċess ta’ screening bħal ta’ ġenituri li jadottaw it-tfal.
Kiri tal-ġuf
Tibdil ieħor huwa dak tal-kiri tal-ġuf, fejn il-Ministru qal li dan mhux se jkun inkluż fl-emendi għall-att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Il-Ministru qal li din se tibqa’ għall-konsultazzjoni iżda se tkun proposta f’liġi separata aktar ‘il quddiem.
Donazzjoni tal-gameti b’mod anonimu
Bidla oħra hi dik relatata mad-donazzjoni tal-gameti b’mod anonimu fejn il-Gvern qed jipproponi li tiġi emendata b’tali mod li tfal li jitwieldu permezz ta’ din ix-xjenza jistgħu jsiru jafu lid-donaturi tal-gameti kif jagħlqu t-18-il sena.
Saħaq li riżultat tal-konsultazzjoni li saret, il-Gvern iddeċieda li jipproponi li “t-tarbija meta tilħaq l-età ta’ persuna adulta se jkollha d-dritt li ssir taf min kienu d-donaturi li wasluha biex hi tingħata l-ħajja.”
L-Oppożizzjoni tgħid li l-Gvern qed jgħaġġel
Il-kelliem għall-Oppożizzjoni Claudio Grech laqa’ dawn it-tibdiliet iżda qal li l-Gvern ried jipproċedi fi stadju ta’ Kumitat b’mod mgħaġġel. Saħaq li dan wassal biex il-Gvern ma kkomunikax mal-Oppożizzjoni b’dawn l-emendi.
Grech sfida lil Fearne jgħid jekk jaqbilx ma’ dawk li qalu li l-embrijuni m’għandhomx drittijiet daqs l-adulti.
Dwar l-emenda għall-adozzjoni tal-embrijuni ffriżati, Claudio Grech sejħilha bħala “kompromess insensittiv” għax qal li din hija biss intenzjonata biex ittaffi l-problema ta’ provvista għolja ta’ embrijuni ffriżati.
Reġa’ saħaq l-istess sentiment tal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn qal li l-Oppożizzjoni kellha free vote iżda d-deputati tagħha għażlu li jivvutaw kollha kontra dawn l-emendi b’turija ta’ diżapprovazzjoni għall-emendi kif ippreżentati mill-Gvern.