Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius u dak għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qalu li se jkunu qed jissaħħu l-ispezzjonijiet dwar l-infurzar bil-għan li jkomplu jitnaqqsu l-abbużi f’siti ta’ kostruzzjoni.
Spjegaw kif dawn is-superviżjonijiet se jsiru kemm waqt u wara l-ħinijiet normali tax-xogħol, kif ukoll fi Ħdud u festi.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius stqarr li jifhem id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom residenti fi bliet u rħula minħabba nuqqas ta’ attenzjoni minn ħaddiema fis-siti ta’ kostruzzjoni.
Qal li mit-Tnejn 9 ta’ Ġunju uffiċjali mill-awtoritajiet se jibdew jaċċertaw li x-xbieki tal-iscaffolding saru skont il-liġi u li m’hemmx apparat ta’ kostruzzjoni fuq il-bankini li jista’ jipperikola s-sigurtà għal min ikun għaddej minn hemm.
Chris Agius assigura li xogħol li jinvolvi ħsejjes u trabijiet ma jsirx fil-Ħdud u l-festi, kif ukoll li xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’positijiet identifikati mill-Awtorità tat-Turiżmu ma jsirx fix-xhur tas-sajf.
F’każ li jinsabu xi abbużi, is-Segretarju Parlamentari qal li l-iżviluppaturi se jingħataw ħmistax-il ġurnata biex jirranġawhom.
Jekk dak mitlub ma jsirx, qal li x-xogħlijiet jitwaqqfu b’mod immedjat u tiġi mposta multa ma’ kull jum li jgħaddi sakemm tiġi rranġata l-irregolarità.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O’Neill