L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) se tibda tinvestiga l-Aġenzija tal-Gvern ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU.
Iċ-Ċerpersin tal-EBA qal li din l-investigazzjoni nfetħet wara li diġà saret analiżi preliminari.
Fi stqarrija l-FIAU qalet li se tkun qed tikkoopera mal-EBA.
"Jidher li l-FIAU kissret il-liġi"
Iċ-Ċerpersin kiteb ittra lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Ġustizzja fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea biex jirrispondiha dwar it-tħassib li kellha dwar Pilatus Bank.
Spjega li l-investigazzjoni se tinfetaħ minħabba l-mod inadegwat li bih l-FIAU investigat lil Pilatus Bank. Fi kliem l-EBA, jidher li l-FIAU naqset milli timplimenta l-proċeduri neċessarji b'rabta ma' Pilatus Bank. Intqal li l-FIAU ma użat l-ebda tip ta' miżuri superviżorji b'rabta mal-liġijiet ta' kontra l-ħasil tal-flus f'dan il-każ. Qal li jidher li l-FIAU kissret il-Liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu.
Panel se jkun qed jiltaqa' biex jara jekk l-FIAU kissritx il-liġi. L-EBA għandha xahrejn biex tispiċċa l-investigazzjoni tagħha. L-investigazzjoni mistennija tiġi konkluża f'nofs Lulju.
Fl-ittra, iċ-Ċerpersin qal li se jżomm lid-Direttur Ġenerali infurmata wkoll bl-analiżi preliminari li qed issir dwar l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).
L-evidenza turi li ma ksirniex il-liġi – FIAU
F’reazzjoni għall-ittra tal-EBA, l-FIAU qalet li diġà qassmet l-evidenza mal-EBA dwar l-attività regolatorja li ħadet b’rabta ma’ Pilatus Bank. L-evidenza tinkludi wkoll it-tibdiliet li għamlet b’rabta mal-proċeduri interni tagħha.
L-FIAU qalet li “tibqa’ kunfidenti li l-evidenza turi li l-aġenzija ma kissritx il-liġi tal-UE”.
Id-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia qal li għalkemm jemmen li ma nkisrux liġijiet, jammetti li l-FIAU għandha tkompli titjieb.
Intqal li l-FIAU mmonitorat lil Pilatus Bank b’attenzjoni mill-2015 meta tqajjem it-tħassib dwar il-bank.
“L-FIAU wettqet diversi spezzjonijiet on-site, żammet superviżjoni mill-qrib fuq l-istituzzjoni, u kkollaborat fil-qrib mal-Ġudikatura u pulizija lokali u barranin.” Intqal li l-FIAU ħadmet ukoll mal-MFSA biex tinbena stampa dwar x’kien jiġri fil-bank. Intqal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Fl-istqarrija tagħha, l-FIAU qalet li azzjoni iżolata minnha mhux se tkun biżżejjed biex tindirizza l-isfidi li l-kriminalità finanzjarja ġġib magħha.