Il-Parlament Franċiż ivvota biex jiġi pprojbit l-użu ta’ mowbajls mill-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji.
Skont il-midja internazzjonali, il-Gvern qal li din il-liġi tgħin biex titjieb il-konċentrazzjoni tal-istudenti fil-klassi, tnaqqas il-bullying fuq l-internet kif ukoll tnaqqas il-possibilità li t-tfal jaraw il-pornografija.
Tressqet ukoll emenda għall-abbozz li tista’ twassal biex anke l-għalliema jkollhom iwarrbu l-mowbajls tagħhom waqt il-ħinijiet tal-iskola.
Dan l-abbozz ta’ liġi huwa riżultat ta’ wegħda elettorali tal-President Franċiż Emmanuel Macron is-sena li għaddiet.
Uħud qed jgħidu li dan se jkun diffiċli biex jiġi infurzat, filwaqt li l-partiti tal-Oppożizzjoni qed jinsistu li din qed issir għall-pubbliċiità.
Jekk l-abbozz jiġi approvat, il-liġi tidħol fis-seħħ mis-sena akkademika li jmiss, jiġifieri f’Settembru.
Minn stħarriġ li sar fl-2016 irriżulta li disgħa minn kull 10 studenti Franċiżi, ta’ bejn it-12 u s-17-il sena, għandhom mowbajl.