minuta qari

Illejla Xarabank se jsellem lil Doris, mara ta’ 96 sena li minkejja l-età u li kienet nieqsa mid-dawl, ta’ kull sena kienet tmur twieġeb it-telefowns għad-Dar tal-Providenza.  Doris mietet sitt xhur ilu u kieku għadha ħajja llejla kienet tkun hemm għall-maratona ta’ fondi b’risq l-istess għan.
Il-preżentatur tal-programm Peppi Azzopardi, iddeskriva lil Doris bħala “mara twajba wisq, kienet waħedha, ma kien fadlilha lil ħadd ħadd mill-familja”.
Stqarr li Doris kienet qaltlu li organizzat il-funeral u li kienet diġà ħallset kollox.
“Anke s-santi kienet lestiet”, kompla jgħid Peppi filwaqt li rrimarka li meta mar il-funeral “tqassmu s-santi tagħha li kienet urietni meta kienet għadha ħajja”.
Doris, li mietet fl-għodwa tal-Milied, tibqa’ mfakkra wkoll għad-donazzjoni tad-dar tagħha lill-Caritas li qed tilqa’ persuni bla saqaf fuq rashom.
L-Arċisqof illejla f’Xarabank għad-Dar tal-Providenza
L-Arċisqof Charles Scicluna llejla se jkun f’Xarabank flimkien ma’ diversi persuni distinti.
Ministri u Membri Parlamentari se jkunu qed jieħdu sehem f’xow li toffri divertiment għal din l-inizjattiva nobbli.
Fil-filmat tidher Doris, meta s-sena li għaddiet ltaqgħet mal-President ta’ Malta Marie-Louise coleiro Preca.