Patri Leslie Gatt il-Provinċjal tal-Agostinjani qal lil Newsbook.com.mt illi l-kiri tal-propjetà tagħhom f’Paceville lill-kumpanija Bay Street Holdings se jipprovdi lill-Ordni Agostinja bi “dħul finanzjarju li għandu jkompli jgħinna ninvestu fl-impenn reliġjuż, soċjali u edukattiv tagħna fis-soċjetà Maltija. Ma dan tajjeb insemmu anke r-restawr u ż-żamma tal-binjiet storiċi diversi tagħna li huma parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna.”
Patri Leslie kien qiegħed iwieġeb lil Newsbook.com.mt dwar il-kontroversja li qamet fuq il-midja soċjali wara li ħarġet l-aħbar li sar dan il-kiri.
Fuq din l-art li bħalissa kienet qed tintuża bħala post fejn jipparkjaw il-karrozzi, issa hemm ippjanat bini ta’ 12-il sulur li jservi bħala estensjoni tal-kumpless ta’ Bay Street.
Il-Provinċjal ikkonferma illi l-Arċisqof Scicluna ma’ kienx mgħarraf bil-ftehim tal-kera.
Kelliem għall-Kurja ikkonferma illi meta sar jaf bil-ftehim l-Arċisqof talab lill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent biex teżamina dak li kien sar u biex tagħmillu rapport bil-konklużjonijiet tagħha.
L-intervista sħiħa
It-tweġibiet ta’ Patri Leslie Gatt għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt li intbagħtu bl-imejl qed jinġiebu hawn.
Newsbook.com.mt: Patri Gatt, x'inhu l-ftehim illi lħaqtu mal-iżviluppatur dwar il-propjetà li għandkom? X'kundizzjonijiet hemm?
Provinċjal: Il-ftehim huwa ta’ kera ta’ art għal żmien definit. Fuq l-art li kienet vojta u għal xi żmien kienet qed tintuża bħala parkeġġ intalab permess lill-PA sabiex isir proġett li jinkuldi prinċiparjament pjazza, parkeġġ taħt il-livell tat-triq u akkomodazzjoni. Jinkludi wkoll ir-restawr tal-Kunvent u l-Kappella.
Newsbook.com.mt: Dan il-ftehim kien diskuss mal-Arċisqof qabel ġie ffinalizzat?
Provinċjal: Le, dan il-proġett ma kienx diskuss mal-Arċisqof qabel ma ġie finaliżżat. Il-proġett kien diskuss fil-Provinjċa Agostinjana Maltija.
Newsbook.com.mt: Għala tħoss li kontu ġustifikati li tilħqu dan il-ftehim minkejja li l-Knisja f'Malta kienet kritika ħafna għall-bini ta' torrijiet għoljin f'diversi lokalitajiet? X'hemm li jiġġustifika l-ftehim milħuq minnkom?
Provinċjal: L-għażla tagħna filfatt hija għażla li tibni biss anqas minn nofs l-ispazju li fuqu nistgħu nibnu. Din l-għażla qiegħda ssir biex tħalli parti sostanzjali ta’ art miftuħa għall-pubbliku. Hekk ma tkunx lanqas ostakolata l-binja tal-kunvent u l-kappella.
Newsbook.com.mt: Jiġifieri inti tħoss illi ftehim bħal dan jgħin lill-Patrijiet Agostinjani jkomplu l-missjoni pastorali tagħhom u s-servizzi li jagħtu lil diversi kategoriji ta' nies?
Provinċjal: Iva, hekk nemmen. Dan il-ftehim għandu:

  • L-ewwel u qabel kollox jirriġenera biċċa art li għal aktar minn 15-il sena kienet art mitluqa.
  • Jaġevola l-użu pastorali tal-istess kunvent u kappella, partikolarment billi
  • Jerġa jagħmel aġibli t-taraġ prinċipali taz-zuntier u l-użu tal-bieb prinċipali tal-kunvent u tal-kappella
  • Ipoġġi l-kappella fiċ-ċentru ta’ żona aktar frekwentata minn nies
  • Jipprovdi parkeġġ
  • Jiġi restawrat il-kunvent u l-kappella minn barra
  • Iħalli aktar minn nofs l-art imsemmija bħala pjazza (art miftuħa) aċċessibbli għall-pubbliku
  • Jipprovdi dħul finanzjarju li għandu jkompli jgħinna ninvestu fl-impenn reliġjuż, soċjali u edukattiv tagħna fis-soċjetà Maltija. Ma’ dan tajjeb insemmu anke r-restawr u ż-żamma tal-binjiet storiċi diversi tagħna li huma parti mill-patrimonju ta’ pajjiżna.

Newsbook.com.mt: Dan il-ftehim kien approvat mill-Kumitat tas-Santa Sede li għandu l-ahħar kelma dwar il-bejgħ ta' propjetà minn entitajiet tal-Knisja?
Provinċjal: Dan il-proġett ma jinkludi l-ebda bejgħ ta’ propjetà lanqas ma jinkludi konċesjoni emfeteutika temporanja jew konċesjoni emfeteutika perpertwa, imma kuntratt ta’ kera. Għalhekk ma kienx jeħtieġ approvazzjoni mill-Kumitat tas-Santa Sede.
Newsbook.com.mt: Ċertu Nicholas Gatt qed jikteb fuq Facebook li l-patrijiet kienu ordnati biex ma jitkellmu xejn dwar il-ftehim. Veru? Il-ftehim meta kien konkluż?
Provinċjal: Qatt ma kien hemm l-ebda ordni biex xi ħadd ma jitkellimx dwar il-ftehim. Il-ftehim ma’ Baystreet Holdings Ltd ġie konkluż f’Awwissu 2017. Minn dakinhar beda l-proċess regolari għat-talba tal-permessi meħtieġa mal-PA.