Id-Direttur taċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol fi ħdan l-Università ta’ Malta Dr Anna Borg qalet li hemm bżonn miżuri li joqtlu l-kultura tas-segretezza tal-pagi mhux magħrufa biex tiġi ndirizzata l-problema tad-differenza fil-pagi abbażi tal-ġeneru ta’ persuna.
Waqt il-konferenza tal-lum dwar id-differenza tal-pagi bejn il-ġeneri organizzata mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew f’Malta l-kelliema kollha fuq il-panel ammettew li teżisti problema.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li wieħed mill-modi ta’ kif tista’ tiġi indirizzata l-kwistjoni hija b’aktar trasparenza. Qal li hemm bżonn aktar rappurtaġġ f’dan il-qasam.
Ir-rappreżentanta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) Joslyn Magro Cuschieri semmiet kif l-oqsma finanzjarji u dawk tax-xjenza u t-teknoloġija huma fost l-aktar oqsma li jesperjenzaw diskrepanza bejn il-pagi abbażi tal-ġeneru. Qalet li meta wieħed jikkunsidra l-età, meta l-ħaddiema jkunu bejn il-15 u l-24 sena ma jkunx hemmx diskrepanza, però din tiżdied meta l-ħaddiema jibdew jikbru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta Andrew Beane ddeskriva d-differenza fil-pagi bħala “inaċċettabli”. Qal li nies f’karigi bħal tiegħu għandhom ir-responsabbilità li jwettqu l-bidla li hemm bżonn.
Dr JP Baldacchino mill-Assoċjazzjoni tal-Akkademiċi tal-Università ta’ Malta (UMASA) qal li jemmen ħafna bin-negozjar kollettiv. Qal li b’hekk, is-salarji jkunu magħrufa.
Il-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li għalkemm tara diversi kampanji biex aktar nies jidħlu jaħdmu m’hemmx kampanji li qed isiru fl-istess ħin biex jinkoraġġixxu lin-nisa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.
Dr JosAnn Cutajar mill-Fakulta għat-Tisħiħ Soċjali qalet li huwa importanti wkoll li wieħed iħares lejn in-nazzjonijiet tal-ħaddiema flimkien mal-ġeneru tagħhom.
Silvan Agius mill-Ministeru għall-Ugwaljanza qal li qed isiru tibdiliet fil-liġi biex ma tkunx biss ir-responsabbilità tal-ħaddiema li jitkellmu meta jkun hemm inugwaljanzi.
Il-Pro Rettur tal-Università ta’ Malta Godfrey Baldacchino qal li s-sitwazzjoni se ssir agħar qabel ma ssir aħjar.